Qorti
Tliet għaqdiet mhux governattivi jiġġieldu għall-istess palazz fil-Belt

Diżgwit dwar palazz li jintuża minn tliet għaqdiet spiċċa l-Qorti.  Dan hekk kif is-Soċjetà Maltija tal-Arti fetħet kawża kontra l-Għaqda Maltija tal-Ortikultura u s-Soċjetà Agrarja biex jiżgumbraw minn żewġt ikmamar li għandhom f’Palazzo de La Salle.

Dan il-palazz jinsab fi Triq ir-Repubblika l-Belt Valletta u ilu jintuża minn dawn it-tliet għaqdiet sa mill-1923.  Huma kienu ngħataw konċessjoni mingħajr ħlas li kienet suġġetta għal diversi kundizzjonijiet, fosthom li l-kmamar jiġu allokati skont il-pjanta u li s-sala l-kbira tkun komuni għat-tliet għaqdiet.

Fil-Qorti ħareġ li skont il-kuntratt li sar 3 snin ilu, il-Gvern ikkonċeda b’titolu ta’ ċens għal 30 sena għal Palazzo de La Salle lis-Soċjetà Maltija tal-Arti.  Din l-għaqda fetħet il-kawża biex titlob liż-żewġ għaqdiet l-oħrajn jiżgumbraw mill-kmamar okkupati f’dan il-palazz.  L-Għaqda tal-Ortikultura u s-Soċjetà Agrarja madanakollu nsistew li mhumiex jokkupaw il-kmamar b’mod illegali jew abbużiv.

Is-Soċjetà tal-Arti kienet ilha tieħu interess fil-binja u ntefqu l-flus fiha għar-restawr tal-post.  3 snin ilu, it-tliet għaqdiet qablu li għandu jsir ir-restawr tal-kappella u s-Soċjetà Agrarja vvakat minnha.  Iżda s-Soċjetà tal-Arti baqgħet toġġezzjona li ż-żewġ għaqdiet l-oħrajn jibqgħu jokkupaw iż-żewġt ikmamar biswit il-kappella.

Mill-aċċess li sar mill-Qorti f’Marzu li għadda jirriżulta li ż-żewġ għaqdiet – tal-Ortikoltura u l-Agrarja – neħħew l-oġġetti mill-kappella u ħarġu minnha.  Iżda s-Soċjetà tal-Arti argumentat li bl-iffirmar tal-kuntratt mal-Gvern ta’ ċens għal 30 sena hemm klawsola li tagħtiha dritt li ttemm il-konċessjoni oriġinali tal-1923 mogħtija lill-għaqdiet l-oħrajn.

Min-naħa l-oħra, l-għaqdiet l-oħrajn qed jirribattu li jekk xi ħadd jokkupa l-post mingħajr titolu, xorta jibqalu d-dritt li jibqa’ fil-post.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Lorraine Schembri Orland, qalet li qabel mal-Gvern jgħaddi l-post lis-Soċjetà Maltija tal-Arti u ma jirtirax il-konċessjoni mogħtija fl-1923 ma jistax jingħad li ż-żewġ għaqdiet l-oħrajn qed jokkupaw il-kmamar abbużivament u minkejja li m’għandhomx titolu legali xorta jibqgħalhom il-jedd jużaw il-post.

Għaldaqstant, il-Qorti ma laqgħetx it-talbiet tas-Soċjetà Maltija tal-Arti u qatgħatha favur l-Għaqda Maltija tal-Ortikultura u s-Soċjetà Agrarja li jibqgħu jokkupaw iż-żewġt ikmamar li hemm f’Palazzo de La Salle, il-Belt.

Aħbarijiet Oħra
Ġurnali

The Malta Independent Fl-ewwel paġna ta’ The Malta Independent insibu ritratt ta’ mewġ akkumpanjat bit-titlu ‘Wave goodbye to summer’. Insibu wkoll rapport li jgħid li l-Avukat Ġenerali qal li huwa…

Toroq

Ir-ritorn tal-għalliema u l-istudenti kollha fl-iskejjel żied il-karozzi fit-toroq mas-sebħ u kmieni wara nofsinhar. It-traffiku f’dawn il-ħinijiet tal-ġurnata mistenni jkompli jiżdied mit-Tnejn li ġej meta tibda s-sena akkademika fl-Università u…

Ikel

Intemm l-għasir tal-għeneb għall-inbid u issa, mal-bidu tal-ħarifa, jinsab fl-aqwa tiegħu l-istaġun tal-għasir taż-żebbuġ. Għal Jesmond Psaila, tmiem Settembru jfisser il-bidu ta’ staġun li jipproduċi dak li ħafna jfittxu fuq…

Aktar