Tliet ħatriet ġodda fid-Djoċesi t’Għawdex

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech għadu kemm ħatar lil Dun Michael Curmi bħala kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat.

Dun Michael twieled fid-9 ta’ Mejju 1982 u huwa mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra. Kien ordnat saċerdot fit-30 ta’ Ġunju 2007. Wara, kompla bl-istudji fil-Formazzjoni tas-Seminaristi fl-Università Pontifiċja Gregorjana f’Ruma, fejn fl-istess żmien kien jaqdi fil-pastorali fil-Parroċċa tan-Natività f’Ruma stess. Fl-2009 ġie maħtur Viċi-Rettur tas-Seminarju ta’ Għawdex.  Huwa wkoll għalliem fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof, il-Belt Victoria.

Dun Dominic Sultana inħatar bħala kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa tal-Viżitazzjoni, l-Għarb

Huwa ser ikun jgħin ukoll lir-Rettur tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu. Dun Dominic twieled fid-19 ta’ Frar 1980 u huwa mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra. Fl-24 ta’ Ġunju 2005 kien ordnat saċerdot.  Huwa kiseb dottorat fit-Teoloġija Spiritwali mill-Istitut tal-Ispiritwalità Teresianum f’Ruma. Matul dawn is-snin, huwa kellu diversi esperjenzi pastorali fl-Italja, l-Irlanda u Għawdex.

Monsinjur Grech ħatar ukoll lil Dun Noel Debono bħala kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala.

Huwa twieled fil-11 ta’ Frar 1985 u huwa mill-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur. Wara li rċieva l-ordinazzjoni saċerdotali fit-13 ta’ Ġunju 2010, Dun Noel mar Ruma fejn għamel kors fl-Università Pontifiċja Gregorjana mnejn kiseb liċenzjat fit-Teoloġija Biblika. F’dawn l-aħħar erba’ snin huwa kien kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa tan-Natività, Ruma.