Ippjanar u bini
Tliet kunsilli lokali u 10 għaqdiet itennu l-oppożizzjoni għall-proġett tad-DB f’Pembroke

Grupp ta’ residenti ta’ Pembroke, bl-appoġġ tal-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan u Swieqi u ta’ għaxar għaqdiet, tennew l-oppożizzjoni tagħhom għall-proġett tal-Grupp DB flok l-Istitut tal-Istudji turistiċi, u ħeġġew lill-Prim Ministru biex fid-dawl tar-rapport kritiku ħafna tal-Awditur Ġenerali, jagħti prijorità lill-ġid komuni u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Fi stqarrija maħruġa mill-Moviment Graffiti, appellaw biex meta jiġi diskuss il-permess għall-proġett mill-Awtorità tal-Ippjanar, ikun hemm fil-bord tal-ippjanar rappreżentanti tat-tliet kunsilli biex tissaħħaħ il-vuċi tan-nies komuni.

Fl-istess stqarrija, ir-residenti, it-tliet kunsilli u l-għaxar għaqdiet stqarrew li jaqblu mal-pjan ta’ Infrastructure Malta biex issir mina taħt Triq Sant’Andrija. Qalu li dan il-proġett jeħtieġ jiġi mmodifikat sabiex jaġevola aktar lir-residenti, u anqas lill-kumpless tal-Corinthia u lil DB Group u t-torrijiet li jridu jibnu.