Lokali
Tliet organizzazzjonijiet jgħidu li l-proposti dwar l-użu tal-kannabis jista’ jolqot ħażin lis-soċjetà

Tliet organizzazzjonijiet esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar numru ta’ riformi proposti mill-Gvern fil-White Paper dwar ‘l-użu responsabbli tal-kannabis.

Fi stqarrija konġunta, Caritas Malta, Fondazzjoni Oasi u l-Assoċjzzjoni tal-Psikjatrija f’Malta qalu li l-liġi kif proposta tidher li se tagħti l-aktar vuċi lil dawk li jixtiequ jużaw il-kannabis b’mod liberu u tirrifletti battalja mitlufa mal-kultura tal-użu tagħha.

Żiedu li din tagħti inqas protezzjoni lil dawk li jistgħu jbatu konsegwenzi serji minħabba l-kannabis foshom individwi jew familji fejn hemm dipendenza fuqha u fuq drogi oħra.

Qalu li jekk il-liġi tgħaddi mill-Parlament se nħabbtu wiċċna ma’ bosta riperkussjonjiet fosthom l-użu b’mod iktar liberu mingħajr riperkussjonijiet u dan b’detriment fl-imħuħ tal-adolexxenti.
L-assoċjazzjonijiet żiedu jgħidu li t-traffikanti jistgħu jibdew iqassmu l-kannabis fil-kwantitajiet indikati biex jekk ir-runners tagħhom jinqabdu jiġu esposti biss għall-multa amministrattiva, jew ma jeħlu xejn jekk il-pakkett ikun ta’ 7 grammi jew inqas.

Qalu li l-persuni dipendenti jew li qed jaffaċċaw diffikultajiet se tkun għalihom iktar diffiċli biex isegwu pjan ta’ kura offrut mit-Tribunal jew mid-Drug Offenders Rehabilitation Board.

Riperkussjoni oħra li semmew hi li jekk jiżdied l-użu, se tiżdied id-domanda fuq l-organizzazzjonijiet li joffru għajnuna lill-persuni li jużaw dawn is-sustanzi u għalhekk hemm ħtieġa ta’ aktar investiment fis-servizzi offruti.

Fir-reazzjoni tagħhom, qalu li l-White Paper ma tweġibx bosta mistoqsijiet fosthom kif se jsir l-infurzar tal-projbizzjoni tal-użu fil-pubbliku u kif se jiġi assigurat li ma jsirx użu tal-kannabis quddiem it-tfal fid-djar u biex il-minuri ma jkollhomx aċċess għas-sustanza.

Staqsew ukoll jekk hux se jiġi stabbilit limitu tal-perċentwal ta’ THC fil-pjanti tal-kannabis u l-piż tal-pjanti.

L-assoċjazzjonijiet temmew jgħidu li persuni li jużaw il-kannabis għall-użu personali la jintbagħtu l-ħabs, la tiċċappsilhom il-kondotta u lanqas idumu snin biex jiġu deċiżi mill-Qrati.