Teknoloġija
Tliet proġetti biex il-lingwa Maltija tidħol fl-intelliġenza artifiċjali

Il-lingwa Maltija ser tingħata spinta bit-teknoloġija. Dan hekk kif se jsiru tliet proġetti ta’ riċerka mmirati li jtejbu l-mod li bih it-teknoloġija tifhem il-Malti mitkellem u miktub b’investiment li jlaħħaq il-€161,000.

It-tliet proġetti li huma “edu AI”, Speech processing u Text Processing, qegħdin isiru permezz ta’ riċerka mill-akademiċi tal-Università ta’ Malta.

Diġà teżisti sistema ta’ rikonoxximent għall-Malti mitkellem, iżda biex din tissaħħaħ hemm bżonn li jinħoloq corpus akbar ta’ Malti mitkellem li fih ikun hemm anotazzjoni ta’ kull ħaġa li qed tingħad.

Edu AI ser iwassal biex it-tfal ikollhom interazzjoni b’mod kontinwu mal-intelliġenza artifiċjali u se jkun qed jgħinhom fl-iżvilupp akkademiku tagħhom, u għaldaqstant jiżra’ fihom l-importanza tat-teknoloġija minn eta’ daqshekk żgħira.

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella, qal li l-għajnuna finanzjarja ser tgħin biex ir-riċerka fix-xjenza moderna tal-intelliġenza artifiċjali tkun tista’ tintuża biex tgħin aspett importanti għall-ekonomija u s-soċjetà Maltija.

“Biex tagħmel ċerta inizjattivi trid ir-riżorsi u dawn ir-riżorsi ma jiġux mix-xejn u għalhekk huwa importanti li jkollna dan it-tip ta’ partnership mal-Gvern u l-awtoritajiet biex ipoġġu dawn ir-riżorsi ta’ flus fl-Università ħalli x-xogħol li nistgħu u kapaċi nagħmlu jseħħ.”

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri qal li t-tliet proġetti ser jużaw l-intelliġenza artifiċjali biex il-lingwa Maltija tkun tista’ tintuża aħjar, biex tiffaċilita l-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin.

“B’eżempji tanġibbli fejn tidħol ukoll il-lingwa Maltija, li minn jaf kemm il-darba inkunu qegħdin naraw film u ngħidu kif is-sottotitoli ma jistgħux ikunu bil-Malti? Grazzi għal din ir-riċerka jista’ jkollna applications li permezz tagħhom tkun tista’ tkun prattikabbli. Però fuq livell ġenerali huwa dan il-mod li nkomplu nixprunaw l-attività ekonomika.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, Stephen McCarthy, qal li dawn il-proġetti huma parti żgħira mill-istrateġija għall-inteliġenza artifiċjali li tnediet fl-2019. Is-sur Mc Carthy qal li l-pajjiż jista’ jibqa’ kompetittiv biss jekk ikompli jinvesti fl-intelliġenza artifiċjali. Qal li dawn il-proeġtti iżidu l-produttività u l-kwalità tax-xogħol li jagħmlu l-Maltin u l-Għawdxin.

Il-finanzjament tat-tliet proġetti hija il-bidu ta’ sensiela proġetti bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali għas-sena 2030.