Politika
Tliet Segretarji Permanenti fi rwoli ġodda fis-servizz pubbliku

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni ħabbar li Christine Schembri ġiet maħtura segretarju permanenti fl-Uffiċċju tal-Kabinett, responsabbli mill-Kordinazzjoni u l-Implimentazzjoni, filwaqt li Joyce Dimech se tkun qed tassumi r-responsabbiltà ta’ Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.

Fi stqarrija ntqal li sa mill-2014, is-Sinjura Schembri qdiet il-funzjoni ta’ Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, waqt li s-Sinjura Dimech serviet bħala Segretarju Permanenti (Strateġija u Implimentazzjoni) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru mill-2014, u qabel bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex.

Mill-banda l-oħra, Joseph Camilleri, li serva ta’ Segretarju Permanenti mill-2013, kemm fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kif ukoll aktar qabel fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, issa se jinħatar bħala Kummissarju Elettorali Ewlieni minflok Joseph Church, li ser ikun qed itemm il-ħatra tiegħu f’Lulju.

Lulju ser ikun il-perjodu ta’ tranżizzjoni għat-tliet uffiċjali sakemm jidħlu f’posthom sa tmiem ix-xahar.