Lokali
Tliet snin ħabs għal omm li perrċet ritratti indiċenti ta’ wliedha żgħar

Mara Taljana ta’ 35 sena, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex ikunu protetti uliedha, ġiet ikkundannatha tlett snin ħabs wara li nstabet ħatja li ħadet u xerrdet ritratti indiċenti ta’ uliedha ta’ tlett snin u ta’ sena u nofs.

Sentejn ilu, l-mara u missier uliedha, kienu tressqu separatament il-Qorti wara li fil-pussess tagħhom instabu mas-70 ritratt u filmat tat-tfal tagħhom mingħajr ħwejjeġ.

L-omm kienet akkużata li ħadet ritratti ta’ żewġha, mingħajr ħwejjeġ ma’ wliedhom li kienu juru fost oħrajn lit-tfal imissu l-ġenitali tal-missier u jinħaslu flimkien fost xeni oħra f’ambjent domestiku.

Dwar il-każ kien sar rapport għand il-pulzija mill-Aġenzija Appoġġ li saret taf mingħand l-iskola li kienet timpjega lill-omm bħala child-care support worker għal tfal bl-awtiżmu. L-omm kienet uriet lil kollegi tagħha numru ta’ ritratti taż-żewġt itfal tagħha għarwenin ma’ missierhom.

L-omm qalet lill-pulizija li kienet ħadet ir-ritratti biex tużahom kontra missier uliedha fil-proċeduri ta’ separazzjoni għaliex ma kienx ikun irid jilbes ħwejjeġ id-dar. Dwar ir-ritratti li fihom uliedha jidhru għarwenin waħedhom, l-omm qalet li dawn ħadithom biex turihom lill-pedjatra biex tassigura li qegħdin jiżviluppaw tajjeb.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli qalet li t-teħid ta’ ritratti tat-tfal jinħaslu jew reqdin mhumiex pornografiċi iżda dawk li juru lit-tfal imissu l-ġenitali ta’ missierhom huma kklassifikati bħala pornografija tat-tfal.

Il-Qorti osservat li ħafna mir-ritratti ttieħdu qabel bdew il-proċeduri ta’ separazzjoni u anki qabel it-twelid tat-tieni wild. Il-Qorti m’emnitx ir-raġunijiet li semmiet il-mara għaliex ġibdet dawk ir-ritratti u filwaqt li ħelsitha mill-akkuża li kkorrompiet lil uliedha, sabitha ħatja li pproduċiet pornografija tat-tfal.

Il-Qorti għalhekk ikkundannat lill-mara għal tlett snin ħabs u ordnat li tkun projbita milli tieħu sehem f’attivitajiet li jinvolvu kuntatt regolari u dirett ma’ tfal żgħar. Isimha għandu jitniżżel ukoll fir-reġistru tal-pedofeli.

Proċeduri separati kontra l-missier għadhom għaddejjin.