Qorti
Tliet snin ħabs talli ħaraq il-bieb tal-garaxx ta’ ħabiba

Raġel ta’ 41 sena mir-Rabat, Għawdex, kien ikkundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li ta n-nar lill-bieb tal-garaxx ta’ ħabiba tiegħu.

Jimmy Mifsud kien mixli li fil-11 ta’ April 2020, għall-ħabta tas-5.45 p.m. fl-istess lokalità, ta n-nar lill-garaxx u kkaġuna b’aktar minn €2,500 ħsara fih b’dannu għall-mara li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti.

Huwa kien mixli wkoll li uża apparat ta’ komunikazzjoni b’mod mhux xieraq, li beżżagħha, li taha fastidju u li heddidha.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud irriżulta li Mifsud u l-mara kienu ilhom diversi snin qrib ħafna ta’ xulxin madankollu hija riedet tnaqqas minn din il-ħbiberija u huwa ma riedx.

Dakinhar tal-ħruq fil-garaxx huwa ċemplilha u heddidha u meta l-Pulizija arrestatu ndunaw li kellu l-mera tal-ġenb tal-karozza nieqsa. Il-mera nstabet fuq il-post tar-reat.

Prova oħra li ressqet il-prosekuzzjoni kienet il-fatt li t-telefon ċellulari tiegħu immarka li kien fl-inħawi fejn seħħ il-ħruq fil-ħin tar-reat.

Mal-bieb tal-garaxx instabet ukoll żebgħa bajda li qablet maż-żebgħa li biha hija miżbugħha l-karozza ta’ Mifsud.

Minbarra t-tliet snin ħabs il-Maġistrat Mifsud ħareġ ordni ta’ protezzjoni ta’ ħames snin fejn l-akkużat ma jistax idejjaq lill-mara għal dan il-perjodu.

Huwa ordnalu wkoll biex fi żmien sitt xhur iħallas lill-mara €1,000 tal-ħsara fil-garaxx u €2,893 fi spejjeż tal-esperti li tqabbdu f’dan il-każ.

Sadanittant, f’kawża oħra relatata huwa kien ikkundannat disa’ xhur ħabs oħra wara li nstab ħati li fil-Qorti hedded u ħebb għaliha u għas-sieħeb tagħha.

Il-prosekuzzjoni f’dawn il-kawżi kienet immexxija mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri li investiga l-każ.