Lokali
Tliet snin ħabs wara li nqabad bid-droga fil-qalziet ta’ taħt

Żagħżugħ ta’ 26 sena minn Ħal Qormi kien ikkundannat ftit inqas minn tliet snin ħabs wara li ammetta li kien qed jittraffika l-ecstasy, l-kokaina u l-eroina fl-istess żmien li kien qiegħed fuq probation.

Wayne Said kien inqabad mill-Pulizija f’Awwissu tas-sena l-oħra, wara li kien ġie osservat jirċievi l-flus u jagħti xi ħaġa lura lil diversi nies li waqaf ħdejhom bil-karozza. Meta saret tfittxija fuq Said, instabu qratas ta’ droga fil-but tal-qalziet ta’ taħt, kif ukoll flus kontanti f’pakketti tas-sigaretti fil-karozza.

Huwa kien akkużat bi traffikar u pussess, u li wettaq dan ir-reat meta kien fuq probation fuq serqa bil-vjolenza.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, semgħet kif Said kien għażel li jibqa’ fil-faċilità ta’ Kordin minkejja li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest. Matul dan iż-żmien fil-ħabs kien ħadem fil-kċina mingħajr tgergir, u kien għamel kors tal-Food Handling.

Ingħad ukoll li Said kien qed jippjana wkoll għall-futur billi jġib liċenzja biex jidħol fin-negozju tal-familja, u li t-testijiet għad-droga li sarulu fil-ħabs irriżultaw fin-negattiv.

Il-Qorti kkunsidrat li l-ammissjoni ta’ Said ma kinitx bikrija, iżda li fl-istess waqt kien ikkopera mal-Pulizija fl-investigazzjonijiet.

Said kien għalhekk ikkundannat 27 xahar ħabs u multa ta’ €2,700 fuq traffikar u pussess ta’ droga, u 7 xhur ħabs oħra talli wettaq ir-reat waqt perjodu ta’ probation. Mis-sentenza ta’ ħabs il-Qorti talbet li jitnaqqas iż-żmien li dam arrestat. Huwa kien ukoll ordnat iħallas €5,200 fi spejjeż tal-esperti.