Qorti
Tliet snin ħabs wara li seraq karozza u fl-istess jum prova jisraq oħra

Raġel ta’ 42 sena kien ikkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li fl-istess jum li seraq vettura fil-Pietà, ipprova wkoll jisraq oħra f’Ħal Qormi.

Saviour Agius kien mixli li wettaq dawn ir-reati fil-25 ta’ Lulju li għadda, kif ukoll li huwa reċediv u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħata f’Mejju li għadda.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, ikkunsidrat li Agius ammetta fi stadju bikri u kkopera mal-Pulizija, iżda wkoll li dan huwa reċediv b’kondotta li qalet hija miżgħuda b’kundanni għal reati simili.

Minbarra 36 xahar ħabs, il-Qorti orndat l-arrest mill-ġdid ta’ Agius b’rabta ma’ proċeduri oħra li għandu pendenti, kif ukoll il-konfiska ta’ €2,500 li kien ħallas bħala garanzija għall-ħelsien mill-arrest.

Huwa tpoġġa wkoll taħt Ordni ta’ Trattament għal tliet snin minħabba d-dipendenza li għandu fuq id-droga.