Barranin
Tliet stati fl-Amerka jimponu kwarantina fuq stati b’ħafna każi ta’ Covid-19

L-istati ta’ New York, New Jersey u Connecticut qed jimponu kwarantina fuq persuni li jkunu ġew minn għadd ta’ stati Amerikani oħra li qed jirrapportaw numru rekord ta’ każijiet ta’ Covid-19.

L-istati l-iktar milquta bħalissa huma dawk fin-nofsinhar u l-punent tal-Amerka, bil-Gvernatur ta’ New York, Andrew Cuomo, jgħid li l-kwarantina tapplika għal dawk kollha li jkunu ġejjin minn Alabama, Arkansas, Arizona, Florida, North Carolina, South Carolina, Texas u Utah.

L-Università ta’ Washington qed tistma li sa Ottubru jkunu mietu mal-180,000 bil-Covid-19 fl-Istati Uniti, inkella 146,000 fix-xenarju li 95% tal-popolazzjoni tilbes il-maskra. S’issa fl-Istati Uniti kienu rrappurtati 2.3 miljun każ u 121,000 imwiet.