Sajd
Tliet żoni għas-sajjieda dilettanti li jistadu għal-lampuki

Identifikati għall-ewwel darba tliet żoni marittimi fejn is-sajjieda dilettanti jistgħu jitfgħu r-rimi tagħhom biex jorbtu ċ-ċimi waqt li jkunu qed jistadu għal-lampuki.

Dan huwa proġett pilota li se jkun qed isir meta se jinfetaħ l-istaġun tal-lampuki bis-sajjieda interessati jridu jirreġistraw mad-Dipartiment tas-Sajd biex jieħdu vantaġġ minn din l-inizjattiva.

Il-Ministru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li jekk jirnexxi dan il-proġett jista’ jiġi estiż għal sajjieda oħrajn fil-futur.

Sbaħna fir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk … sinonimu mas-sajd… għal għexieren ta’ snin ħafna sajjieda kienu jsalpaw minn dan ir-raħal u qattgħu ġranet bejn sema u ilma lil hinn mix-xatt biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum.

Ftit jiem ‘il bogħod mix-xahar t’Awwissu ltqajna ma’ diversi sajjieda li jinsabu għaddejjin bit-tħejjijiet għas-sajda tal-ħuta tant għall-qalb il-Maltin … il-lampuka!

“Il-ħuta bix-xibka … tmur taħtha u mbagħad immorru bix-xibka dawra tond. Is-sena kollha tipprepara. Nagħmlu ċ-ċima … biex tagħmilha għandek mill-inqas nofs siegħa ma’ kull waħda. Imbagħad għandek dawn l-‘swivers’ … kollox bl-idejn … kollox bil-ħajt … għandek l-isbaħ xahrejn, tliet xhur, biex tagħmel dan ix-xogħol kollu … l-‘swivers’ biss … kollox maħdum bl-idejn”, sostna Melchior.

Tiddi f’wiċċ Melchior il-passjoni għax-xogħol tiegħu iżda ġenerazzjonijiet aktar anzjani qalu li jiftakru aktar ġid fl-ibħra.

“Fost kemm konna naqbdu ħut konna ngħabbu l-lanċa u ma tgergirx. Illum ċertu ħinijiet twal u meta tmur u ma ssibx lampuki … għax il-lampuka naqset ħafna. Issa jew żdiedu s-sajjieda … imma llum ma hemmx dak il-ġid li kien hemm qabel”, sostna Ġanni.

Ir-ritwal għas-sajda ta’ din il-ħuta huwa wkoll imfittex minn sajjieda dilletanti li din is-sena għall-ewwel darba jistgħu jibbenifikaw minn proġett pilota li nieda llum il-Gvern.

Id-Direttur tal-Akwakultura fi ħdan il-Ministeru tal-Biedja u s-Sajd Dennis Calleja spjega ma’ TVM li ġew identifikati tliet żoni marittimi fejn sajjieda dilettanti jistgħu jitfgħu r-rimi.

“Tnejn fil-lvant u wieħed fil-punent … se jkun hemm tlett rimijiet bejniethom … kull rimja ma jistax ikollha aktar minn 30 ċima. Iċ-ċimi se jiġu organizzati bejn l-għaqdiet kollha delittanti ta’ dan is-settur”.

Ma’ Television Malta, il-Ministru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo kkonferma li dan il-proġett jista’ jiġi estiż għal sajjieda oħrajn fil-futur.

“Dan huwa l-bidu, nikkonferma li jekk dan il-proġett ikun suċċess taħt ċertu kundizzjonijiet, fosthom li jistadu biss fir-rixa u jirraportaw il-qabda tagħhom mad-Dipartiment tas-Sajd aħna se naraw kif nestenduh għal setturi oħra”.

L-istaġun tal-lampuki jibda nhar Santa Marija u jintemm fl-aħħar ta’ Diċembru.