Kronaka
Tlieta arrestati fuq serq minn għadd ta’ djar f’Għawdex

Il-Pulizija qed tinvestiga serqiet li seħħew minn djar privati f’Għawdex. Minn tagħrif li kiseb TVM jirriżulta li f’dawn is-serqiet insterqu eluf ta’ ewro. Żviluppi li seħħew fl-aħħar sigħat wasslu għall-arrest ta’ tlett irġiel sabiex jgħinu lill-Pulizija f’dawn l-investigazzjonijiet.

Djar fix-Xewkija, fin-Nadur u fir-Rabat Għawdex, bejn Ġunju u Lulju li għaddew kienu fost għaxar residenzi privati fil-mira tal-ħallellin. TVM huwa infurmat li f’każ minnhom insterqu madwar €60,000 minn dar fix-Xewkija, serqa oħra ta’ madwar €25,000 minn dar fir-Rabat u oħra ta’ aktar minn €5,000 minn residenza fin-Nadur.

TVM huwa infurmat li l-investigazzjonijiet li bdew mill-Pulizija tad-Distrett t’Għawdex issokktaw f’Malta. Dan wara li informazzjoni li waslet lil pulizija li l-vettura li allegatament intużat fis-serqiet intlemħet fl-inħawi tal-Ħamrun u l-Marsa. Il-Pulizija, immexxija mill-Ispettur Josef Gauci, bdew ifittxu għall-vettura, sakemm lemħuha fi Triq Belt il-Ħażna, fil-Marsa. Hemmhekk ġie arrestat raġel li kien qed isuq il-karozza.

Filmati esklussivi li ġibed TVM, fil-Marsa, il-Pulizija tad-Distrett, flimkien mal-Pulizija mit-Taqsima tal-Forensika, għamlu tfittxija fil-karozza u ġew elevati xi oġġetti għal iktar stħarriġ għax jista’ jkun li għandhom rabta mal-każ. Ittieħdu wkoll diversi kampjuni ta’ marki tas-swaba’. Ir-raġel arrestat fil-Marsa nżamm għal aktar stħarriġ.

Minn aktar stħarriġ li għamel TVM jirriżulta li ftit sigħat wara, persuna oħra ġiet arrestata fl-Għassa tal-Ħamrun, meta dan mar jiffirma bħala parti mill-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti, u aktar tard ġiet arrestata t-tielet persuna bħala parti mill-investigazzjonijiet dwar is-serq minn djar f’Għawdex.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Żewġ nisa, li waslu Malta b’dgħajsa ma’ immigranti oħra s-sena l-oħra, spiċċaw il-ħabs minflok il-Ġermanja. Fil-Qorti, l-avukat tagħhom Martin Fenech, spjega li huma użaw dokumenti foloz biex ikunu jistgħu jibdew…

Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Aktar