Kronaka
AĠĠORNAT: Tliet irġiel jiċħdu li serqu €250,000 minn casino f’San Ġiljan

Tliet Bulgari ta’ 27, 32 u 36 sena li joqgħodu Tas-Sliema, Birkirkara u San Ġwann wieġbu mhux ħatja li bejn Ottubru tal-2017 u Jannar li għadda serqu qrib €250,000 minn Casino Malta f’San Ġiljan fejn kien jaħdem wieħed minnhom.

Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, l-Ispettur Joseph Xerri qal li fil-bidu ta’ Jannar, uffiċjali tal-casino rrappurtaw lill-Pulizija li ħaddiem u żewġ persuni oħra kienu qed jaġixxu b’mod suspettuż u allegaw li kienu qed jirbħu ammont konsiderevoli ta’ flus bi prattiċi qarrieqa u illegali.

L-Ispettur spjega li wara sigħat twal ta’ investigazzjoni ġie stabbilit li Miroslav Minchev u Dobri Enev, li jaħdmu bħala deliverymen, u Viktor Iliev Leondiev li jaħdem bħala operations manager, allegatament kienu qed jiffrodaw u jisirqu lill-casino. Minchev, li kien jaħdem fl-istess casino, ġie akkużat ukoll li ffalsifika dokument li kellu jippreżenta biex jibda jaħdem fl-istess post.

L-Avukat Joe Giglio qal li l-akkużati ilhom bosta snin jaħdmu regolarment f’Malta, ikkoperaw mal-Pulizija u qed jikkontestaw is-somma ta’ €350,000 li l-uffiċjali tal-casino qed jallegaw li serqu.

Il-Magistrat laqgħet it-talba tal-avukati difensuri Roberta Bonello Felice, Noel Bianco u Dr Giglio għal ħelsien mill-arrest tal-akkużati b’diversi kundizzjonijiet fosthom garanzija personali ta’ €8,000 kull wieħed u laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għall-iffrizar tal-assi kollha tagħhom.