COVID-19
Tlieta fl-Isptar Mater Dei minħabba l-Covid

Fil-preżent huma tlieta l-pazjenti li qed jinżammu fl-Isptar Mater Dei minħabba li għandhom il-Covid-19.

Kien id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li ħabbar dan waqt li flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-aħħar żviluppi lokali b’rabta mal-pandemija.

Fearne qal li t-tlieta li huma residenti Malta bi tnejn minnhom għadhom ma ħadux il-vaċċin waqt li t-tielet pazjent għad m’għaddewx il-15-il ġurnata mit-tieni doża u għalhekk l-immunità għadha mhix b’saħħitha biżżejjed.

Il-Ministru tas-Saħħa li fl-aħħar jiem kien hemm pazjent ieħor li kien l-isptar imma ħareġ.

Dwar il-varjanti li hawn bħalissa f’pajjiżna huwa semma li hawn sebgħa tad-Delta, tnejn tal-Alpha u tnejn tal-Gamma.

Huwa rrimarka wkoll li mill-każijiet li feġġew fl-aħħar jiem 90% jew mhux imlaqqmin jew mhux imlaqqmin kompletament.

Il-Ministru għas-Saħħa kompla li mill-55 każ li feġġew ilbieraħ u s-96 tal-lum 35 huma residenti Malta.

Fearne semma wkoll kif sal-bieraħ Malta tat madwar 700,000 doża tal-vaċċin.

Huwa rrimarka wkoll li waqt li s-sena li għaddiet, bla tilqim, kienu bejn 15% u 20% ta’ dawk pożittivi li spiċċaw l-isptar illum li għandna l-vaċċin huma biss bejn 2% u 3% li jispiċċaw l-isptar.

Min-naħa tagħha, il-Professur Gauci semmiet, fost oħrajn, kif ir-rata ta’ pożittività issa hija ta’ 1.18% bl-età medja fl-aħħar jiem tkun ta’ 24 sena.