Barranin
Tlieta maqtula ġo knisja fi Franza – meqjus attakk terroristiku

Tliet persuni nqatlu f’attakk b’sikkina fil-Bażilika ta’ Notre Dame f’Nizza, fi Franza. Is-sindku tal-Belt Christian Estrosi qal li kollox jindika li kien attakk terroristiku.

Is-suspettat ġie miżmum mill-pulizija ftit wara li twettaq l-attakk. Skont is-sindku, is-suspettat beda jgħajjat ‘Allahu Akbar’ waqt li kien qed jingħata assistenza medika fuq il-post.

Żied li wieħed minn dawk maqtula kien is-sagristan tal-bażilika. It-tnejn l-oħra huwa mifhum li kienu kongreganti.

Fl-Assemblea Nazzjonali ġiet osservata minuta ta’ silenzju hekk kif waslet l-aħbar tal-attakk. Dak il-ħin il-Prim Ministru Jean Castex kien qed iħabbar il-miżuri ta’ restrizzjoni b’rabta mal-Covid-19.

Il-kunsill Franċiż tal-fidi Musulmana kkundanna l-attakk u esprima solidarjetà mal-familji tal-vittmi. Huwa appella lill-Musulmani kollha fi Franza biex illum iħassru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa Mawlid; li tfakkar it-twelid tal-profeta Mohammed.