Lokali
Tlieta mill-4 persuni fl-ITU bil-COVID fosthom mara tqila mhumiex imlaqqma

Tliet pazjenti minn erbgħa li bħalissa jinsabu rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei mhumiex imlaqqma kontra l-COVID-19. Fost dawn il-pazjenti mara tqila.

Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar tnaqqis fir-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija.

Dr Fearne qal li bħalissa fl-istpar Mater Dei hemm 35 persuna li qegħdin jingħataw kura b’rabta mal-coronavirus.

Qal li ċ-ċifri juru ċar l-aktar pazjenti morda serjament huma dawk li ma tlaqqmux kontra l-Covid. Qal li l-persuna l-oħra rikoverata fl-ITU u li hija mlaqqma, tbati minn kundizzjoni marbuta mal-immunità.

Il-Ministru għas-Saħħa qal li huwa evidenti li t-tilqim jipproteġi ħafna kontra mard serju u min mhux imlaqqam hu suġġett għal sitwazzjoni serja anke għax il-varjant Delta qed jagħti konsegwenzi aktar severi mill-varjanti preċedenti.

Qal li l-aħħar darba li f’pajjiżna kellna 1,300 ruħ pożittivi għall-COVID kien f’Diċembru tas-sena li għaddiet meta ma kinitx għadha bdiet tingħata t-tilqima. Spjega li dakinhar bl-istess ammont ta’ każijiet pożittivi li għandna llum kien hemm ħames darbiet aktar pazjenti fl-isptarijiet ta’ pajjiżna, jiġifieri madwar 160 pazjent.