Stejjer Umani
Tlift l-ikbar ħabib…kien id-dawl t’għajnejja

Wara tnax-il sena jservi b’lealtà bħala kelb gwida, Aval miet ftit tal-jiem ilu. Aval kien minn tal-ewwel f’Malta li ġie mħarreġ biex ikun kelb gwida għal sidu Leone Sciberras. Bħala pijunier f’dan il-qasam, Aval kien ta’ ispirazzjoni għal persuni nieqsa mid-dawl. Sid il-kelb, Leone Sciberras, qal li tilef l-ikbar ħabib tiegħu.

Ftit tal-jiem ilu, Leone Sciberras li ilu nieqes mid-dawl sa minn mindu kellu tnax-il sena, kellu waħda mill-agħar jiem ta’ ħajtu, meta tilef l-ikbar ħabib tiegħu…Aval, kelb tar-razza labrador retriever li servih b’lealtà għal aktar minn tnax-il sena.

“Emozzjonijiet ta’ dieqa u telfa kbira, telfa ta’ membru mill-familja”.

Aval kien wieħed mill-ewwel klieb gwida f’Malta. Minħabba li sa tnax-il sena ilu, ftit kien hawn persuni nieqsa mid-dawl li kellhom klieb gwida, Leon Sciberras u Aval dehru f’ħafna programmi televiżivi u anki marru skejjel biex xerrdu iktar edukazzjoni dwar id-diżabilità.

Leon u Aval sabu diversi ntoppi kemm damu flimkien, fosthom meta ma tħallewx jidħlu ġo ristorant, u ġieli f’karozzi tal-linja, għaliex ma kienx hawn għarfien dwar l-klieb gwida.

“Diffikultajiet li għaddejna bit-trasport, airlines, restaurants u lukandi, biex kelb gwida jiġi aċċettat għamel impatt fis-soċjetà tan-nies nieqsa mid-dawl”.

Leone qal li minkejja li fl-aħħar snin Aval marad baqa’ sal-aħħar juri l-lealtà tiegħu anki jekk jien muġugħ. Leon jgħid li Aval mhux biss kien jiggwidah u jeħilsu minn ħafna perikli li jsib fit-triq iżda wkoll biddillu ħajtu f’ħafna aspetti.

“Aval għeni noħroġ mill-qoxra, naffaċċja lid-dinja u nkun dak li jien illum”.

Għall-komunità ta’ persuni nieqsa mid-dawl, Aval kien eroj li serva ta’ ispirazzjoni għalihom biex bdew jużaw il-klieb gwida. Leone qal li minkejja li l-kelb ħallih, jemmen li għad jerġa’ jiltaqa’ miegħu, forsi f’dinja oħra f’inqas sfidi u tbatija.