Lokali
TM se tinqasam fi tliet awtoritajiet indipendenti għas-setturi tat-trasport

Wara tnax-il sena tiffunzjona, l-Awtorità tat-Trasport se tinqasam fi tliet awtoritajiet indipendenti li se jkunu responsabbli mill-avjazzjoni, il-qasam marittimu u t-trasport fuq l-art. Il-Gvern waqqaf grupp ta’ ħidma mmexxi mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi biex jiffoka fuq it-tibdiliet meħtieġa mill-aspett leġiżlattiv, amministrattiv u industrijali.

It-tliet setturi tat-trasport: is-settur marittimu; tal-avjazzjoni u t-trasport fuq l-art mhux se jibqgħu taħt awtorità waħda ta’ Transport Malta imma se jittwaqqfu awtoritajiet indipendenti minn xulxin.

L-Awtorità tat-Trasport twaqqfet 12-il sena ilu bħala l-awtorità ewlenija għar-regolamentazzjoni tas-settur tat-trasport tal-art, tal-baħar u tal-ajru, filwaqt li sa 4 snin ilu kienet ukoll responsabbli mill-bini ta’ toroq ġodda qabel ma dan għadda f’idejn Infrastructure Malta.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Joe Caruana qal li tnieda grupp ta’ ħidma bil-għan li jsiru t-tibdiliet meħtieġa biex it-tliet awtoritajiet joperaw taħt struttura ta’ governanza koordinata.

“Ħa jkun qed jevalwa l-operat, il-leġislazzjoni, kif ukoll ir-riżorsi umani sabiex naraw kif dawn l-entitajiet isiru iktar indipendenti u fl-istess ħin joperaw flimkien sabiex jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-lum u t’għada.”

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li dan it-tibdil se tkun opportuntià għall-ħaddiema biex javvanzaw fil-qasam rispettiv tagħhom.

“Irrid ukoll inserraħ ras il-ħaddiema kollha ta’ Transport Malta – anzi naħseb se tkun opportunità – għalihom li kulħadd ikun jista’ jipprogressa u javvanza wkoll fis-setturi speċifiċi u allura bil-focus li jkun hemm fit-tliet awtoritajiet rispettivi.”

Il-grupp ta’ ħidma maħtur biex iwettaq dan it-tibdil se jitmexxa mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, u l-membri li se jkunu nvoluti f’dan l-inkarigu huma Robert Musumeci; Roberto Cristiano; u Karl Laferla.