Kronaka
Tmienja arrestati wara rejd għad-droga f’Wied il-Għajn

Tmien persuni ġew arrestati waqt rejd li sar mill-Pulizija fi stabbiliment fil-limiti tal-Bajja ta San Tumas, f’Wied il-Għajn. L-operazzjoni tal-Pulizija saret tard ilbieraħ waranofsinhar.

Waqt dan ir-rejd ġew arrestati seba’ rġiel li jgħixu ż-Żejtun, Wied il-Għajn u r-Rabat, li l-età tagħhom tvarja bejn it-18 u t-22 sena, u tfajla ta’ 24 sena li tgħix Birżebbuġa. Fil-pussess tagħhom il-Pulizija sabu sustanzi suspettati kannabis u kokaina, kif ukoll xi oġġetti
relatati mal-użu tad-droga.

Aktar tard, il-Pulizija għamlet tfittxija f’residenza u garaxx ta’ wieħed mill-irġiel arrestati f’Wied il-Għajn, fejn hemmhekk instabu iżjed sustanzi suspettati ħaxixa tal-kannabis, eroina u kokaina, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

Ir-rejd twettaq mill-Iskwadra ta’ Kontra tad-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU). L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.