COVID-19
Tmut anzjana li kellha l-Covid-19 u li kienet rikoverata f’Monte Carmeli

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li anzjana ta’ 78 sena mietet waqt li kienet pożittiva bil-Covid-19.

L-anzjana kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 l-ewwel darba fil-11 ta’ Awwissu u ġiet ikkonfermata li negattiva għall-Covid-19 fit-28 ta’ Awwissu u fid-9 ta’ Settembru.

Ilbieraħ, l-anzjana ddaħħlet l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei mill-Isptar Monte Carmeli u mietet ilbieraħ stess waqt li kienet fit-Taqsima tal-Emerġenza. Kif inhi prassi, sar swab test waqt li kienet l-Emerġenza li kkonferma lill-pazjenta pożittiva bil-Covid-19. Intqal li hija kellha kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.

Il-Ministeru qal li fl-Isptar Monte Carmeli għaddej ix-xogħol ta’ contact tracing biex jiġu ttestjati l-persuni li seta’ kellhom kuntatt mal-persuna.