Barranin
Tmut Helen McCrory – attriċi f’Peaky Blinders u Harry Potter

Tħabbret il-mewt ta’ Helen McCrory, attriċi ta’ fama dinjija li ħadmet fis-serje popolari Peaky Blinders u fil-films ta’ Harry Potter, fost oħrajn.

McCrory, li kellha 52 sena, mietet wara “battalja erojka mal-kanċer”, skont żewġha Damian Lewis, li huwa wkoll attur. Qal li McCrory mietet bħal ma għexet… mingħajr biżgħa.

Bosta ddeskrivew il-ħila ta’ McCrory li tinterpreta rwoli differenti u li tagħti l-ħajja lil emozzjonijiet u aspetti varji tal-kundizzjoni umana.

L-arja misterjuża tagħha spiss kienet twassalha biex tinterpreta karattri enigmatiċi jew ‘ħżiena’. F’Peaky Blinders McCrory interpetat wieħed mill-iktar rwoli importanti; dak ta’ Polly Gray, li kienet il-pedament tal-familja Shelby, waqt li f’Harry Potter ħadmet il-parti ta’ omm Draco Malfoy.

Is-sena li għaddiet McCrory u żewġha ġabru ‘l fuq minn £1 miljun biex il-ħaddiema tas-saħħa jingħataw ikel minn restoranti waqt li kienu qed jissieltu mal-pandemija.