Kronaka
Tmut il-mara li kienet mixlija li qatlet lil bintha fix-Xemxija

Omm li kienet mixlija bil-qtil ta’ bintha laħqet mietet qabel ma ntemmu l-proċeduri kontriha fil-Qorti. Id-delitt seħħ seba’ snin ilu fix-Xemxija, bl-allegat aggressur u l-vittma kienu Russi. Fl-istorja kriminali ta’ Malta, dan huwa l-ewwel każ ta’ mara li ġiet mixlija bil-qtil tat-tifla tagħha.

Waqt li fil-Qorti kienet waslet biex tintemm il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ Russa mixlija bil-qtil ta’ bintha, ir-Russa mietet ix-xahar l-ieħor. Il-każ imur lura għal Jannar 2011 meta żagħżugħa ta’ 28 sena mir-Russja nstabet mejta f’appartament fi Triq Dawret in-Nawfraġju, ix-Xemxija. Ommha ġiet mixlija bid-delitt.

Mistoqsi f’liema stadju kienu waslu l-proċeduri u x’jiġri f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-proċeduri kienu fl-għeluq tal-kumpilazzjoni, u fil-ġimgħat li ġejjin kien se jippreżenta l-Att tal-Akkuża quddiem il-Qorti Kriminali, biex Tamara Gennadievna Boubekova ta’ 66 sena tgħaddi ġuri, mixlija bil-qtil ta’ bintha Yulia Kalinina. Spjega li issa l-prosekuzzjoni tippreżenta ċ-ċertifikat tal-mewt lill-Maġistrat Josette Demicoli li kienet qed tisma’ l-kumpilazzjoni, u l-proċeduri jieqfu hemm.

Bintha Yulia Kalinina ta’ 28 sena kienet instabet mejta mal-art f’appartament fi Triq Dawret in-Nawfraġju, ix-Xemxija. L-awtopsja kienet ikkonkludiet li ż-żagħżugħa mietet fgata konsegwenza ta’ pressjoni li saret fuq imneħirha u ħalqha. Ikkonkludiet ukoll li l-vittma kienet ilha mejta madwar jumejn, qabel ma ġiet irrappurtata mill-ġirien. Mal-art fl-appartament instabu xi oġġetti li ndikaw li, qabel ma ġiet fgata, setgħet tlewwmet mal-aggressur.

L-appartament kien ta’ ommha, Tamara Gennadievna, li l-għada tas-sejba ta’ bintha mejta ġiet mixlija bil-qtil. Iż-żagħżugħa kienet ilha tgħix fl-appartament erba’ xhur. Qabel kienet għamlet xi snin tgħix l-Ingilterra.

Fil-qorti l-omm kienet wieġbet li mhix ħatja għall-akkużi. Television Malta jinsab infurmat li l-mara, li mietet ix-xahar li għadda, kienet taħt kura medika, u l-mewt tagħha seħħet f’ċirkustanzi naturali, bil-Pulizija m’għandhiex suspetti li seta’ kien hemm xi ħaġa ħażina.

Tamara Gennadievna Bubekova kienet l-ewwel mara akkużata f’Malta bil-qtil tat-tifla tagħha. Fl-istorja kriminali ta’ Malta, kien hemm każ wieħed ta’ mara li qatlet lil binha, tifel ta’ tmien snin. Id-delitt kien twettaq fl-1960 fil-Belt minn Ġiġa Camilleri.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Il-wrestling għal bosta jidher sports goff iżda għal Wayne Pace beda jsegwi l-isport tar-wrestling minn età żgħira, sakemm sar atleta professjonali. Il-wrestling huwa dixxiplina sportiva bir-regoli tagħha saħansitra ta’ ħarsien…

Saħħa

Id-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei kompla bl-isforzi biex jikber l-għarfien u l-prevenzjoni dwar il-mard tal-qalb. F’jum ta’ attivitajiet, mijiet ta’ nies għamlu testijiet mediċi f’inizjattiva tas-Soċjetà tal-Qalb biex jikber l-għarfien dwar…

Għawdex

L-investiment fil-prodott turistiku Għawdxi ser jissukta bi skema ġdida Enable Tourism li kienet tħabbret fil-Budget għal din is-sena. L-iskema hija maħsuba biex itejjeb l-aċċessibiltà fil-postijiet tal-akkomodazzjoni turistika. Id-dettalji tagħha tħabbru…

Aktar