Radju
Tmut ix-xandara Joyce Guillaumier

Ilbieraħ filgħaxija tħabbret il-mewt tax-xandara Joyce Guillaumier fl-etá ta’ 75 sena. Hi twieldet fl-14 ta’ Settembru 1944 u kienet bdiet il-karriera tagħha meta twaqqaf Radju Malta mill-Awtoritá tax-Xandir fil-bidu tas-sebgħinijiet.

Għal snin twal Joyce Guillaumier kienet tippreżenta programmi dwar mużika klassika fost oħrajn fuq Radju Malta u Radju Malta 2. Hadet sehem ukoll fuq programmi televiżivi. Fost oħrajn, Joyce Guillaumier  kienet ukoll għalliema tal-Ingliż fl-iskola sekondarja Adelaide Cini tal-Ħamrun.

Fl-2015 Joyce Guillaumier ingħatat il-medalja għall-Qadi tar-Repubblika mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro-Preca. Hi kienet ukoll chairperson tal-Kumitat għall-Festi Nazzjonali.

Joyce kienet miżżewġa u kienet omm ta’ żewġ subien.

Fi stqarrija, il-Ministru Carmelo Abela, responsabbli mix-xandir pubbliku, irringrazzja lis-Sinjura Guillaumier tax-xogħol kollu tagħha fil-qasam tax-xandir.

Qal li s-Sinjura Guillaumier kienet waħda mill-ewwel nisa li ħallew il-marka pożittiva tagħhom fuq ix-xandir nazzjonali, waqt li offra l-kondoljanzi lil qrabatha.

Anki l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Joyce Guillaumier li sejħilha waħda mil-pijunieri nisa fix-xandir u ta l-kondoljanzi lil uliedha, l-familja u l-qraba.