COVID-19
Ma baqa’ l-ebda persuna bil-Covid-19 rikoverata fl-isptarijiet Maltin

Ma baqa’ ħadd rikoverat fl-isptarijiet Maltin li huwa pożittiv għall-Covid-19. Dan ħabbru dalgħodu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt l-inawgurazzjoni ta’ berġa f’Marsaxlokk.

Il-Ministru Fearne żied li bejn ilbieraħ u llum miet raġel ta’ 82 sena li kien pożittiv għall-Covid-19, wara li ġie infettat bil-virus għat-tieni darba. L-aħħar li kien hemm mewt bil-Covid-19 kien fis-26 ta’ Mejju li għadda; ftit iktar minn tliet ġimgħat ilu.

Fl-istess waqt Dr Fearne qal li llum m’hemm l-ebda każ pożittiv ġdid, u li niżlu għal 33 il-każi attivi tal-Covid-19.

Qal li 79% tal-adulti f’Malta ħadu minn tal-anqas l-ewwel tilqima, bil-pajjiż li qed jimmira li jilħaq it-80%. Il-Ministru Fearne qal li l-maġġoranza tal-pajjiżi għadhom qed jimmiraw għas-70%.

Filwaqt li ddeskriva s-sitwazzjoni tal-Covid f’Malta bħala waħda tajba, Dr Fearne xorta waħda appella għall-kawtela sakemm jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha.