Barranin
Tmut ta’ 112-il sena l-ixjeħ mara fir-Renju Unit

Mietet l-ixjeħ mara fir-Renju Unit; Joan Hocquard, li kellha 112-il sena. L-ixjeħ raġel tal-istess età’; Bob Weighton, miet f’Mejju li għadda.

Is-Sinjura Hocquard twieldet fid-29 ta’ Marzu 1908 u qattgħet l-ewwel snin ta’ ħajjtha fil-Kenja, hekk kif missierha kien uffiċjal tal-militar Brittaniku.

Kienet tattendi boarding school f’Sussex, u iktar tard ħadmet bħala ‘chef’ f’lukanda f’Geneva. Fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija kienet issuq ambulanza f’Londra. Iktar tard marret tgħix fis-south coast fejn bdiet tbaħħar; namra li kienet taqsam ma’ żewġha Gilbert, li miet fl-1981.

In-neputi tagħha, Paul Reynolds, qal li nanntu ma kellha l-ebda sigriet għall-ħajja twila tagħha. Hija kienet tħobb tiekol il-butir u l-krema, u ma tantx kienet temmen bid-dieta.

Fir-ritratt (fuq) Joan Hocquard tidher ma’ Bob Weighton meta ċċelebraw għeluq sninhom f’Marzu li għadda.