Tmut wara xahar maqfula f’lift fiċ-Ċina

Is-sejba ta’ katavaru ta’ mara f’lift fil-belt Ċiniża ta’ Xi’an, waslet għall-arrest ta’ żewġ ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fuq liftijiet li xahar ilu qatgħu l-provvista tal-elettriku għal-lift mingħajr ma ċċekkjaw jekk kienx hemm xi ħadd ġo fih.

Iż-żewġ ħaddiema qatgħu l-provvista tal-elettriku fit-30 ta’ Jannar li għadda għal-lift fi blokk residenzjali wara li ssejħu fil-post biex jirranġaw xi ħsarat.

Meta l-ħaddiema rritornaw xahar wara, fl-ewwel ta’ Marzu biex jirranġaw il-ħsarat, fil-lift sabu katavru ta’ mara.

Il-mara ta’ 43 sena kienet toqgħod waħedha f’appartament fil-blokk residenzjali.

Il-pulizija eskludiet li seta’ kien hemm intenzjoni ħażina imma kkonkludiet li l-mewta tal-mara kienet kaġun ta’ negliġenza kbira min-naħa tal-ħaddiema f’każ ta’ qtil involontarju.

Iċ-Ċina għandha rekords foqra ħafna ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol bil-proċeduri u prattiċi ta’ saħħa u sigurtà jkunu repetutament injorati.