Saħħa
Tnaqqis qawwi fil-kanċer tal-għonq tal-utru dovut għal tilqima lit-tfajliet

Studju internazzjonali wera li l-każi li l-kanċer tal-għonq tal-utru qegħdin jonqsu drastikament tant li hu maħsub li din il-marda tista’ tiġi eradikata. Dan huwa grazzi għat-tilqima li tingħata lit-tfajliet kontra l-virus imsejjaħ Human Papilloma Virus. F’Malta din it-tilqima bdiet tingħata lit-tfajliet disa’ snin ilu u s-sena l-oħra ħaduha 89% tat-tfajliet eliġibbli għaliha.

L-istudju ppublikat fir-revista medika The Lancet li sar fuq iżjed minn 60 miljun persuna f’14-il pajjiż żviluppat wera li tul is-snin qiegħed dejjem jonqos il-kanċer tal-għonq tal-utru u mard relatat mal-virus li jwassal għal dan u li jħalli effett anke fuq il-ġuvintur.

The Lancet qalet li dawn ir-riżultati qed jinkisbu għax f’ħafna pajjiżi qed tingħata t-tilqima kontra dik li tissejjaħ il-Human Papilloma Virus, HPV, lit-tfajliet qabel ma jibdew ikunu sesswalment attivi. Il-ġurnal qal li b’dawn ir-riżultati hemm it-tama li l-marda tal-kanċer tal-għonq tal-utru eventwalment tiġi eradikata.

F’Malta din it-tilqima bdiet tingħata disa’ snin ilu lit-tfajliet li jagħlqu 12-il sena. Is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li qiegħed jiżdiedu t-tfajliet li qegħdin jieħdu din it-tilqima, tant li s-sena l-oħra ħaduha 89% tat-tfajliet eliġibbli.

Professur Charmaine Gauci qalet “aħna bdejna nagħtu din it-tilqima mis-sena 2000 lil dawk it-tfajliet meta jagħlqu 12-il sena. Aħna għażilna 12-il sena għaliex huwa importanti li din it-tilqima tingħata qabel mal-persuna tkun attiva sesswalment u nafu wkoll li meta ttiha kmieni inti dejjem tista’ tipprevjeni iktar…. Kellna diversi mistoqsijiet mill-ġenituri jekk meta aħna nagħtu di it-tilqima hiex mezz kif inti qed tagħti mela ejja nistgħu nkunu sesswalment attivi mingħajr ma nagħtu każ. Dan mhuwiex il-messaġġ. Il-messaġġ huwa li aħna qegħdin nipprevjenu permezz ta’ din it-tilqima għal mikrobu wieħed li jista’ jwassal għall-kanċer. Però importanti ħafna li kwalunkwe attività sesswali trid ikun hemm ir-responsabbilità fiha għaliex irridu niftakru li hemm ċerti mikrobi oħrajn li jistgħu jiġu trasmessi wkoll.”

Il-Professur Gauci qalet li din it-tilqima tingħata fiċ-ċentri tas-saħħa u t-tfajla tkun flimkien mal-ġenituri tagħha u dawn jingħataw għajnuna dwar l-edukazzjoni sesswali. Temmet tgħid li l-fatt li qed jiżdiedu t- tfajliet li qed jitlaqqmu kontra dan il-virus li jista’ jwassal għal kanċer tal-għonq tal-utru, jawgura tajjeb li maż-żmien ikollna popolazzjoni li tiġi protettat mill-virus HPV li mingħajr it-tilqima huma virus li jittieħed faċilment meta persuna infettata jkollha kuntatt sesswali ma’ persuna oħra.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Għalkemm il-Maltin ikunu qed jistennew is-sajf bil-ħerqa biex jaqtgħu xi ftit mir-rutina ta’ kuljum tax-xogħol, mhux l-istess jista’ jingħad għal Alfred Attard li ilu aktar minn 40 sena jiġbor il-melħ…

Stejjer Umani

Omm Maltija ta’ żewġt itfal żgħar ilha sitt ġimgħat ma tara lil uliedha, u tisħaq li ma tafx x’sar minnhom. L-omm, li isimha mhux qed jixxandar fl-interess tat-tfal, ix-xahar li…

Kultura

Aktar minn 100 kwadru ta’ arti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti tneħħew minn posthom minħabba l-moffa li żviluppat fil-binja. F’kummenti lil TVM, il-Kuratur tal-MUŻA, Kenneth Cassar, spjega li l-opri tal-arti tneħħew minn…

Qorti

Raġel ta’ 31 sena li joqgħod Birżebbuġa wkoll ingħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ elf ewro u garanzija ta’ għaxart elef ewro wara li tressaq il-Qorti mixli li attakka, insulta, hedded…

Aktar