Tnaqqis ta’ 4.1% fl-inċidenti fuq ix-xogħol – 4 mwiet fl-ewwel sitt xhur

F’sitt xhur, bejn Jannar u Ġunju li għadda ġew irrapportati 1,420 inċident fuq il-postijiet tax-xogħol. Meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2015, l-inċident naqsu b’60 jew b’4.1 fil-mija. Fl-istess sitt xhur kien hemm erba’ inċidenti fatali li fihom tilfu ħajjiethom erba’ ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol, wieħed aktar mill-istess perjodu s-sena li għaddiet. Ftit anqas minn 17 fil-mija ta’ dawn l-inċident seħħu fis-settur tal-manifattura segwiti minn dawk fil-qasam tal-kostruzzjoni. Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li aktar min-nofs il-ħaddiema midruba ġarrbu ġrieħi fuq in-naħa ta’ fuq ta’ ġisimhom jew feriti superfiċjali waqt ix-xogħol.