Lokali
Tnax-il għaqda jappoġġjaw lil BirdLife Malta kontra talba tal-kaċċaturi dwar ir-referendum

Tnax-il għaqda tas-soċjetà ċivili ngħaqdu ma’ BirdLife Malta f’kundanna għat-talba tal-kaċċaturi lill-President biex jabolixxi d-dritt taċ-ċittadini li jinvokaw referendum bħala theddida għad-demokrazija.

BirdLife Malta qalet li referendum huwa wieħed mill-aktar għodod demokratiċi f’kull pajjiż, inkluż f’Malta, u d-dritt tal-votanti li jitolbu referendum m’għandu jiġi ostakolat blebda forma jew mod.

BirdLife Malta sejħet lill-President ta’ Malta, lill-Prim Ministru u l-Kabinett biex jassiguraw li jżommu intatti l-mekkaniżmi demokratiċi b’saħħithom li għandu pajjiżna, u jaraw li ma jsir l-ebda logħob mal-liġijiet Maltin biex tiġi aġevolata din it-talba li hija theddida għad-demokrazija.

It-12-il NGO li qed jappoġġjaw din ir-reazzjoni ta’ BirdLife Malta huma: Din l-Art Ħelwa, Nature Trust Malta-FEE, Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Futur Ambjent Wieħed, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), Isles of the Left, Ramblers’ Association of Malta, The Archaeological Society Malta, Wirt Għawdex, Aditus Foundation, Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM).