Settur Marittimu
Tneħħew iktar min-nofs il-bastimenti u opri tal-baħar abbandunati fil-Port il-Kbir

Iktar min-nofs il-bastimenti mitluqin fl-inħawi tal-Port il-Kbir tneħħew f’ħidma li ilha għaddejja minn Transport Malta minn April li għadda.

Il-Kaptan Fritz Farrugia, Deputy Chief Officer fi ħdan Transport Malta, spjega ma’ TVM kemm hu twil u kumpless il-proċess biex jiġu identifikati u mneħħija l-bastimenti, speċjalment jekk is-sidien ma jikkoperawx u l-każ ikollu jispiċċa fil-Qorti.

Il-Ministru Ian Borg qal li malli jitneħħew il-bastimenti kollha, se tissokta l-ħidma minn Infrastructure Malta biex tibda proġett ta’ tindif u tħammil ta’ qigħ il-baħar.

Tmintax-il bastiment u opra tal-baħar abbandunati tneħħew mill-Port il-Kbir fi proġett ta’ tindif li qed isir sabiex waqt li jissebbaħ il-port, ikun iktar aċċessibbli għal bastimenti ikbar.

B’hekk s’issa tneħħew iktar min-nofs it-total ta’ 26 bastiment li ġew identifikati minn Transport Malta, li l-maġġoranza tagħhom kienu ilhom is-snin mitluqin u wħud minnhom kienu nvoluti f’każi ta’ litigazzjoni fil-Qorti.

Il-Kaptan Fritz Farrugia, Deputy Chief Officer fi ħdan Transport Malta, spjega li l-proċess biex jiġu identifikati u mneħħija l-bastimenti huwa wieħed kumpless u jieħu ħafna ħin.

“L-ewwelnett ninfurmaw lis-sidien b’mod formali fuq il-pjan tagħna fejn nagħtuhom ċans li dawn jirregolaw ruħhom, hemm dgħajjes li huma ‘afloat’ jiġifieri mhux mgħarrqin u hemm dawn li huma mgħerrqin, u fejn hemm il-mgħarrqin ma tantx hemm fejn taħdem, u allura hemm jew ineħħih is-sid jew inneħħuħ aħna, u hemm sitwazzjonijiet fejn vapur forsi nsew jirranġawlu ċ-ċertifikati u nagħtuhom ċans jirregolaw ruħhom”.

Il-Kaptan Farrugia spjega li l-maġġoranza tal-bastimenti kienu saħansitra mgħerrqa minn ġewwa u qal li jekk is-sidien ma jikkoperawx ma’ Transport Malta dawn jitneħħew xorta waħda.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Boiler Wharf fl-Isla, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg iddeskriva t-telqa li kien hemm fl-aħħar snin fl-akkwati tal-Marsa bħala ċimiterju tal-bastimenti.

Huwa qal li lil hinn minn dan il-proġett issa Infrastructre Malta se tkun qed tibda bi proġett ta’ tindif u tħammil ta’ qiegħ il-baħar.

“Wara li jitneħħew il-bastimenti minn Transport Malta tidħol Infrastructure Malta, li hemmhekk se tagħmel id-dredging’ jiġifieri it-tħammil tal-materjal li ilu jinġabar għexieren ta’ snin u ilha tinħass il-ħtieġa li l-port ikun imnaddaf u tiżdied il-kapaċità, jiġifieri jerġgħu jidħlu bastimenti li jkunu ikbar imma li bħalissa huma limitati minħabba n-nuqqas ta’ fond li jkun hemm.”

Il-Ministru Borg qal ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkun qed iniedi strateġija sħiħa għall-Port il-Kbir sabiex il-port jilħaq verament il-potenzjal kemm estetiku kif ukoll dak ekonomiku.