Kronaka
Tnejn arrestati fil-Mosta u fil-Furjana b’mandat t’arrest Ewropew

Il-Pulizija arrestaw żewġt’irġiel Maltin li kienu mfittxija mill-awtoritajiet Taljani f’investigazzjoni dwar traffikar ta’ droga. Fil-konfront tal-irġiel: Michael Aquilina ta’ 47 sena mill-Mosta u Gordon Schembri ta’ 34 sena mill-Furjana kien hemm mandat ta’ arrest Ewropew. Huma tressqu l-qorti fejn inbdew il-proċeduri biex jiġu estraditi lejn l-Italja.

Il-Maġistrat Doreen Clarke ordnat li Michael Aquilina jinżamm arrestat u tat il-ħelsien mill-arrest lil Gordon Schembri b’għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €12,000.