
Raġel ta’ 31 sena li joqgħod is-Siġġiewi u ieħor ta’ 30 sena li joqgħod il-Ħamrun ġew arrestati, wara li l-Pulizija intervjenew fuq rapport ta’ serqa f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq il-Ġdida, Ħal Qormi.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kmieni dalgħodu, għall-ħabta tan-nofsiegħa, il-Pulizija tad-Distrett irċevew telefonata dwar persuni li daħlu f’residenza li qiegħda tinbena u li kienu qegħdin jisirqu.
Fuq il-post marru diversi vetturi tar-Rapid Intervention Unit u bdew tfittxijiet f’binjiet li qegħdin jinbnew fl-istess triq.
Quddiem waħda minn dawn ir-residenzi l-Pulizija nnutat vettura miftuħa, biċ-ċwievet fiha u mgħobbija b’ammont ta’ għodda tal-kostruzzjoni. Dan qajjem iktar suspett u għaldaqstant il-pulizija komplew ifittxu fl-akwati, fejn sabu liż-żewġt irġiel mistoħbija fid-dlam f’garaxxijiet fl-istess triq.
Il-Pulizija żiedet li minn iktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-vettura li intużat f’din is-serqa kellha mwaħħla pjanċi tar-reġistrazzjoni ta’ vettura oħra u l-liċenzja skaduta.
Iż-żewġ persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana. L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.