Lokali
Tnejn feruti f’ħabta fl-Imġarr wara li qasmilhom kelb li miet bid-daqqa

Żewġt irġiel sfaw feruti, wieħed minnhom gravi, wara li kienu involuti f’ħabta bejn vann pick-up u karozza. Fl-inċident miet ukoll kelb li kien qed jaqsam it-triq.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.10 ta’ dalgħodu fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr, Malta, bejn karozza tat-tip Toyota Tercel misjuqa minn raġel ta’ 30 sena, residenti l-Għarb u vann tal-għamla Mitsubishi L200 misjuqa minn raġel ta’ 57 sena residenti x-Xewkija.

Ġuvni ta’ 25 sena li kien passiġġier fil-Mitsubishi ma sofra l-ebda ġrieħi, filwaqt li ż-żewġ xufiera ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza minħabba l-ġrieħi li sofrew. Aktar tard, ir-raġel ta’ 57 sena ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief, filwaqt li dak ta’ 30 sena sofra ġrieħi gravi.

Fuq il-post issejħet ukoll ambulanza tal-annimali minħabba li fl-inċident weġġa’ wkoll kelb, iżda sfortunatament dan miet fuq il-post.

L-investigazzjoni dwar dan l-inċident għadha għaddejja, b’tvm.com.mt infurmat li l-kelb seta’ kien il-kawża tal-inċident meta qasam it-triq u waħda mill-vetturi ppruvat tevitah.