Lokali
Aġġornat – jallegaw li qalgħu xebgħa mill-bouncers ta’ bar f’Paceville

Żewġt irġiel qed jinżammu l-isptar minħabba ġrieħi serji wara li allegatament kienu aggrediti minn bouncers ta’ stabbiliment tad-divertiment f’Paceville. Il-Pulizija qalet li għall-ħabta tas-7.00 ta’ dalgħodu kienet intalbet l-assistenza tagħha fi Triq San Ġorġ.

Il-Pulizija qalet li meta marret fuq il-post sabet li kien inqala’ argument bejn grupp ta’ nies, b’raġel Sirjan ta’ 29 sena residenti Marsaskala u raġel ta’ 33 sena mill-Ġordan li spiċċaw sofrew xi ġrieħi. Il-pulizija qalet li l-investigazzjonijiet tagħha għadhom għaddejjin.

Intant tvm.com.mt ġie avviċinat minn qraba taż-żewġ vittmi li sostnew li huma ppruvaw jidħlu fl-istabbiliment iżda ma tħallewx mill-bouncers. Għal xi raġuni żvolġa argument, b’wieħed mill-irġiel li spiċċa mal-art filwaqt li l-bouncers allegatament bdew isawtuh. Ir-raġel l-ieħor qal li mar jipprova jwaqqafhom iżda spiċċa huwa wkoll aggredit mill-bouncers, li dak il-ħin kienu erbgħa.

Il-qraba qalu li mal-ħin il-bouncers żdiedu għal madwar għaxra, u allegatament użaw ukoll fliexken tal-ħġieġ u sikkina.

TVM infurmat li ż-żewġt irġiel sofrew ġrieħi estensivi, f’wiċċhom, f’rashom, u f’daharhom, kif ukoll xi ksur. Jidher li wieħed mill-irġiel jista’ wkoll jitlef id-dawl t’għajnejh.