Qorti
Tnejn jammettu li serqu ikel minn supermarket – l-avukat jgħid li kienu bil-ġuħ

Żewġt irġiel tressqu fil-Qorti mixlijin li serqu ikel minn supermarket bl-avukat tagħhom jgħid li għamlu dan għax kienu bil-ġuħ.

Mario Campolo u Mario Mifsud, it-tnejn ta’ 48 sena, ammettew quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li wettqu s-serqa minn supermarket f’Wied il-Għajn.

L-Ispettur Clayton Camilleri spjega kif it-tnejn li huma nqabdu minn cameras tas-CCTV.

L-Avukat Daniel Attard qal li ż-żewġt irġiel ikkommettew is-serqa għax kienu bil-ġuħ waqt li semma kif Campolo għandu l-vizzju tad-droga u Mifsud kellu diżabilità.

Kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża rrikonexxew li t-tnejn kellhom bżonn l-għajnuna.

Il-Maġistrat Montebello se tagħti s-sentenza tagħha għada l-Ħamis u sadanittant l-akkużati baqgħu miżmumin taħt arrest.