Kronaka
Tnejn jinqabdu fil-fatt jisirqu l-għodda minn sit ta’ kostruzzjoni f’Wied il-Għajn

Żewġt irġiel ġew arrestati wara li nqabdu fil-fatt jisirqu minn sit ta’ kostruzzjoni f’Wied il-Għajn.

Il-Pulizija qalet li kienu għall-ħabta ta’ nofsinhar xħin ġiet infurmata li x’aktarx hemm persuni suspettużi fi blokka li għadha qiegħda tinbena fi Triq Ġużeppi Lanzon.

Il-Pulizija tad-Distrett, flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Uniut (RIU), marru mill- ewwel fuq il-post, iċċirkondaw is-sit, daħlu fil-binja, u sabu liż-żewġt irġiel iġorru karru li fuqu kien hemm diversi biċċiet tal-għodda.

L-irġiel ġew identifikari bħala Malti ta’ 36 sena minn Ħaż-Żabbar u Taljan ta’ 47 li joqgħod il-Fgura.

Wara l-arresti, il-pulizija għamlu tfittxija fir-residenzi tagħhom, fejn instabu diversi għodda u affarijiet oħra. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li dawn l-oġġetti nsterqu minn sit ieħor ta’ kostruzzjoni li jinsab fi Triq il-Maħsel, f’Wied il-Għajn, nhar is-17 ta’ Marzu li għadda.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.