COVID-19
Esperti tas-saħħa Maltin u barranin iwieġbu mistoqsijiet dwar is-sitwazzjoni tal-Covid

L-irwol tal-professjonisti mediċi fit-teħid tat-tilqima tal-COVID-19, speċjalment fl-għoti ta’ pariri u t-tweġiba għal domandi tal-pubbliku, ġie enfasizzat f’simpożju virtwali li laqqa’ aktar minn 800 professjonist bejn tobba, spiżjara u dentisti Maltin. Huma semgħu minn fomm esperti lokali u barranin dwar diversi aspetti tal-virus u l-iżvilupp tat-tilqima, b’ċans ukoll għal domandi li ġew imwieġba dak il-ħin stess.

Hija realtà oħra tal-pandemija li konferenza ta’ dan il-kobor issir online b’mod li wara ġurnata xogħol laqqgħet flimkien għal madwar erba’ sigħat lil mijiet ta’ professjonisti mediċi ma’ oħrajn li jinsabu fuq quddiem nett fil-ħidma relatata mal-pandemija: minn professjonisti fis-servizz tas-saħħa u r-regolatur lokali għal espert ma’ Pfizer u speċjalista Malti b’sehem fl-operazzjoni Warp Speed tal-gvern Amerikan. Organizzat min-network The Synapse bħala parti minn programm regolari ta’ edukazzjoni kontinwa għall-professjonisti tas-saħħa, fi kliem it-tabib Wilfred Galea, is-simpożju fittex li jwieġeb dak li l-professjonisti jridu jkunu jafu dwar it-tilqima tal-COVID-19.

Il-Kap tat-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei, Charles Mallia Azzopardi, qal li hu minnu li t-tilqima ġiet żviluppata fi ftit xhur meta mqabbla mal-għaxra/ħmistax-il sena li s-soltu jittieħdu iżda spjega li x-xjentisti ma bdewx minn xejn. Qal li l-qafas diġà kien hemm billi saru studji u attentati biex jiġu żviluppati tilqim għal viruses simili li iżda ma ntużawx. Qabbel is-sitwazzjoni ma’ chassis lest f’fabbrika tal-karozzi jistenna l-mudell li fuqu jridu jinbnew il-karozzi. Hu kkonkluda li l-proċess vera kien imqassar iżda saru l-istudji kollha u ma kienx hemm kompromess fuq l-effettività u s-sigurtà tat-tilqima. Dr Mallia Azzopardi fakkar lill-professjonisti mediċi li b’kuntrast mal-mediċini li jingħataw lil nies morda, tilqima tiġi żviluppata biex tingħata lil nies b’saħħithom u għalhekk l-importanza li tingħata lis-sigurtà u li ma jkunx hemm riskji sinifikanti.

It-tabib żagħżugħ Malti Keith Sacco li hu immunologu li jaħdem fl-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa f’Washington assigura li t-tilqim approvat hu effettiv u li allerġiji għalih huma rari ħafna. Għaldaqstant huma vera ftit il-persuni li mhux rakkomandat li jieħdu t-tilqima. Dr Sacco tkellem dwar il-prattika li bħala prekawzjoni, kull persuna li tieħu t-tilqima tal-COVID ma titlaqx mill-ewwel iżda tibqa’ fil-post għal 15-il minuta. Dan jiġri għax il-maġġoranza tal-allerġiji jippreżentaw ruħhom fl-ewwel kwarta mindu tingħata.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li t-tobba u l-professjonisti mediċi li jgawdu ħafna fiduċja fil-komunità għandhom rwol importanti ħafna fil-kampanja għat-teħid tat-tilqima, b’mod speċjali fl-għoti ta’ pariri u informazzjoni lill-pubbliku. Ma qablitx ma’ min jirraġuna li jistenna ħa jara x’jiġri lil ħaddieħor qabel jieħu t-tilqima għax qalet li dan jista’ jwassal biex jiġu infettati aktar nies bil-konsegwenzi kollha li dan jista’ jħalli.

Għal mistoqsija x’inhu l-aħjar bejn li wieħed jieħu immunità naturali billi jimrad bil-Covid jew jieħu l-immunità billi jitlaqqam, il-Professur Gauci qalet li t-tilqima hi għażla aktar sigura.

Għalkemm s’issa għadu mhux magħruf kemm ittul l-immunità kemm f’min marad u kemm f’min ħa l-vaċċin, il-Professur Gauci qalet li nafu fiċ-ċert hu li l-virus ikkawża mard serju u mwiet f’ħafna nies, b’ċans ukoll li wieħed jgħaddi l-Covid-19 lil għeżież tiegħu.