Toħroġ minn koma wara erba’ snin fi sptar f’Messina

Għal erba’ snin sħaħ kienet mitluqa f’sodda ta’ sptar għal pazjenti li jkunu fi stat veġetattiv f’Bonino Pulejo f’Messina. Il-mara kienet f’koma profonda. Qatt ma tħarrket mis-sodda, lissnet kelma jew għamlet sinjal li kienet għadha ħajja.

Rosalba Giusti, il-mara li ħarġet minn koma wara erba' snin
Rosalba Giusti, il-mara li ħarġet minn koma wara erba’ snin

Iżda lejl fost oħrajn, ġisimha ħa l-ħajja u bdiet titkellem. Il-mara nstemgħet tgħajjat isem l-infermiera li min-naħa tagħha nħasdet meta semgħet xi ħadd jgħajtilha f’dik is-sala mimlija b’pazjenti li ma jitkellmux. Ma setgħetx temmen li dak il-leħen kien ġej minn fuq sodda fis-sala. Il-leħen kien ta’ Rosalba Giusti, mara ta’ 68 sena minn Palermo u magħrufa bħala Giustina. Il-mara li kienet taħdem bħala parrukkiera u għandha sitt itfal spiċċat bejn il-lożor kawża ta’ emorraġija interna f’moħħha.
L-ewwel sinjal tal-“qawmien” tagħha seħħ f’Diċembru li għadda u llum saħansitra tiftakar il-vrus ta’ kanzunetti ta’ kantanti bħal Massimo Ranieri, Claudio Baglioni, u Julio Iglesias.
Skont l-esperti mediċi dawn huwa każ li jseħħ kull ħames snin. Każ li jiftaħ id-dibattitu bejn il-ħajja u l-mewt. Patrizia Pollicino, newrologa għal 25 sena kienet kwotata tgħid li qatt fil-karriera tagħha ma nzertat każ ta’ pazjent/a li reġgħet ġiet f’sensiha wara li spiċċat fi stat veġetattiv. Qalet li l-mara mhux biss fetħet għajnejha, iżda bdiet twieġeb tajjeb għad-domandi li sarulha.
Qalet li Giustina għalkemm ipparalizzata, ma tiċċaqlaqx u tiekol b’mod artifiċjali, qed titkellem, tirraġuna, tiftakar ġrajjiet tal-imgħoddi u issa bdiet tkanta wkoll. Jidher li l-mara għalkemm qatt ma tħarrket mis-sodda jew fetħet għajnejha, kienet taf dak li kien għaddej fis-sala, iżda qatt ma rnexxielha turi dan.
Dan joħroġ mill-fatt li meta qamet, sejħet isem l-infermiera, il-mara li kienet tieħu ħsieb il-ġisem tagħha għal dawn l-aħħar erba’ snin. It-tobba rreferew għal dan is-sindromu bħala ‘Locked in’ – meta l-pazjent ikun jaf dak li jkun għaddej madwaru iżda ma jurix sinjali esterni. Bħal donnu l-mara kienet priġuniera f’ġisimha – muta, immobbli u apparentament mejta. Iżda fir-realtà kienet ħajja u kapaċi tirreġistra kull ħaġa li kienet għaddejja madwarha.
Dan kollu biżżejjed biex jerġa’ jagħti tama lil bosta, għalkemm b’għarfien li dan huwa każ rari ħafna. “Rarissimu iżda mhux mirakoluż”, sostna Placido Bramanti, id-direttur xjentifiku tal-istitut tal-newroloġija Bonino Pulejo.
Intant is-sitt uliedha għadhom ma jistgħux jemmnu li reġa’ għandhom lil ommhom ħdejhom li bħal donnu ġiet minn dinja oħra. Il-mara ftakret li għandha ħamest itfal. Insiet lil Emanuele ta’ 24 sena, l-iżgħar fost l-aħwa. Meta ppreżentawhulha, il-mara tbissmitlu u ferħet ħafna bih.