Tonqos il-popolazzjoni tan-nagħaġ

Fl-2014, il-popolazzjoni tan-nagħaġ fil-gżejjer Maltin naqset bi 3.7 fil-mija meta mqabbla mal-2013. Fl-istess sena l-popolazzjoni tal-mogħoż żdiedet marġinalment b’0.6 fil-mija.

Ċifri mill-uffiċju nazzjonali tal-istatistika, juru li sa Diċembru li għadda l-ammont ta’ nagħaġ kienu ta’ 10,526 – tnaqqis ta’ kważi 4 fil-mija fuq l-2013.

In-nagħaġ maskili naqsu b’5.4 fil-mija.

Fuq livell reġjonali 7,639 jew 72.6 fil-mija tan-nagħaġ kienu f’Malta u l-bqija f’Għawdex u f’Kemuna.

Kienu f’Għawdex u f’Kemuna li naqsu l-aktar nagħaġ bi 11.3 fil-mija filwaqt li f’Malta naqsu b’o.5 fil-mija fuq is-sena l-oħra.

L-istess statistika turi li sa Diċembru li għadda l-ammont ta’ mogħoż kien ta’ 4,627 – żieda marġinali ta’ 0.6 fil-mija fuq l-2013.

Il-popolazzjoni tal-mogħoż filwaqt li żdiedet f’Malta bi 2.1 fil-mija naqset bi 3.7 fil-mija f’Għawdex u f’Kemmuna.

F’Malta sal-aħħar tas-sena li għaddiet kien hawn 3,491 jew 75.4 fil-mija tal-mogħoż u l-bqija, 1,136 kienu f’Għawdex u f’Kemuna.