Lokali
Tordna r-rilaxx ta’ immigrant li mill-ħabs ittieħed mill-ewwel f’ċentru ta’ detenzjoni

Il-Qorti ordnat ir-rilaxx ta’ Pascal Okafor minn ċentru ta’ detenzjoni b’effett immedjat wara li t-Tnejn li għadda baqa’ jinżamm arrestat f’detenzjoni wara li skonta sentenza ta’ sitt snin ħabs.

Fi Frar tal-2011, is-Sur Okafor kien ikkundannat 10 snin ħabs u multa ta’ €23,000 wara li wieġeb ħati li f’Lulju ta’ sentejn qabel ipprova jittraffika ftit anqas minn kilo droga kokaina f’69 kapsola.

F’rikors li ressaq it-Tnejn li għadda, Okafor sostna li nżamm arrestat fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi b’mod illegali wara li skonta sentenza ta’ tmien snin ħabs f’Malta.

Fil-qorti ngħad li malli skonta sentenza huwa ttieħed f’ċentru ta’ detenzjoni wara li ġiet esegwita ordni ta’ detenzjoni li ħarġet kontrih f’Lulju tal-2006.

Madankollu, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Aaron M.Bugeja qalet li għalkemm ġie ppruvat li kienet inħarġet ordni ta’ tneħħija, ma jirriżultax li nħarġet ukoll deċiżjoni ta’ ritorn.

Il-Qorti qalet li sabiex Okafor seta’ jibqa’ jinżamm f’detenzjoni skont il-liġi ried ikun hemm kemm l-ordni ta’ tneħħija u kemm id-deċiżjoni tar-ritorn li f’dan il-każ ma kienx hemm.

Fid-dawl ta’ dan il-Qorti laqgħet ir-rikors ta’ Okafor u ordnat il-ħelsien tiegħu mid-detenzjoni b’effett immedjat.