Infrastruttura
Toroq u belvedere f’Santa Luċija se jiġu rranġati b’nefqa ta’ €2 miljun

Infrastructure Malta tat bidu għal proġett ta’ €2 miljun biex tibni mill-ġdid aktar minn żewġ kilometri ta’ toroq residenzjali f’Santa Luċija u ttejjeb il-belvedere li jħares fuq il-Wied ta’ Garnaw, b’mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti.

Ix-xogħlijiet prinċipali tal-proġett jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq residenzjali twal li jmissu ma’ xulxin – Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale – li jestendu kważi żewġ kilometri mal-ġenb tal-Wied Ta’ Garnaw. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta se terġa’ tibni wkoll sitt toroq oħrajn fl-istess lokalità.

Ix-xogħlijiet bdew din il-ġimgħa f’Dawret it-Torri, li tgħaqqad Triq Tal-Barrani ma’ Triq il-Prinjoli u maż-żona tal-Knisja Parrokkjali fil-qalba tal-lokalità. Fix-xhur li ġejjin, il-kuntratturi tal-proġett se jibnu wkoll mill-ġdid Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale. F’dawn it-toroq, Infrastructure Malta qed tgħaddi minn taħt l-art pajpijiet ġodda tal-provvista tal-ilma, katusi tad-drenaġġ u oħrajn għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll pajpijiet għall-cables tal-Internet u telekomunikazzjonijiet oħra. Fejn meħtieġ, se ssaħħaħ ukoll il-pedamenti tat-toroq u tibni bankini ġodda, qabel ma tlestihom b’wiċċ ġdid bl-asfalt.

Fl-2020, dawn it-toroq intużaw bħala rotot ta’ devjazzjoni waqt li viċin tagħhom Infrastructure Malta kienet qed twettaq il-proġett tal-mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija. Issa li m’hemmx aktar bżonn li jintużaw għal dan il-għan, il-bini mill-ġdid ta’ dawn it-toroq lokali b’bankini ġodda u faċilitajiet oħrajn se jagħti ambjent isbaħ lil bosta residenti ta’ Santa Luċija, quddiem djarhom.

It-titjib tal-belvedere tul medda ta’ kilometru fuq ix-xaqliba tan-nofsinhar ta’ Dawret it-Torri u Triq il-Prinjoli se jinkludi mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti u żoni msebbħin b’diversi siġar ġodda.

Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija f’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta, iddisinja mill-ġdid din iż-żona mħaddra biex joħloq spazju ta’ rikreazzjoni għar-residenti u rotta aktar sigura għaċ-ċiklisti u dawk li jgħaddu mill-inħawi bil-mixi. Fl-2020, Infrastructure Malta ħawlet bosta siġar maturi f’partijiet differenti ta’ dan il-belvedere, wara li kellhom bżonn jinqalgħu mis-sit tal-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija. L-aġenzija qed tkompli tieħu ħsieb dawn is-siġar u daqt se tkompli ssebbaħ l-inħawi bit-tħawwil t’aktar siġar indiġeni u arbuxelli.

Permezz tal-istess proġett li bdiet din il-ġimgħa f’Dawret it-Torri, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid ukoll toroq oħrajn fil-viċin, fosthom Triq Klematis, Triq Dun M. Mifsud, Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan u Triq iċ-Ċikwejra.