Stejjer Umani
Torqod u tqum fil-biża’ li d-dar tista’ taqa’ fuqha

Anzjana ta’ 76 sena mill-Birgu spiċċat torqod u tqum fil-biża’ li parti mid-dar tista’ taqa’ fuqha minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni. Tgħid li sid id-dar lest jirranġa d-dar imma irid jgħollilha l-kera li ma tiflaħx għaliha. L-istorja ta’ din il-mara mhix fula f’qargħa. Ċifri li TVM kiseb mill-Awtorità tad-Djar juru li hemm mil-lanqas 140 każ oħra bħalha minn fost it-3,300 applikazzjoni għal housing soċjali.

Xahar biss wara li ħa l-ħatra tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay jempatizza mas-sitwazzjoni diffiċli ta’ kull minn jispiċċa bejn il-mazza u l-inkwina jisternna housing soċjali. Qal lil TVM li fl-aħħar sena l-Awtorità rnexxielha tagħti biss iċ-ċavetta ta’ 74 dar lill-applikanti li kienu l-aktar każijiet urġenti. L-anzjana ta’ 76 sena mill-Birgu ilha li applikat 16-il sena u sadanittant għadha tgħix f’periklu f’dar antika fil-Birgu. Spjegatilna kif minħabba l-kunsenturi u s-saqaf maqsum fil-kamra tas-sodda spiċċat tgħix u torqod fil-kċina.

L-anzjana qalet “inġib is-siġġu hawn, bil-cushion u noqgħod nara naqra televixin. Kuljum qed norqod hekk, u din mhux nuża għax naqra twila u jkolli ħafna mbarazz fil-kamra, nibża’ li naqa’. Għax hawnhekk irrid insajjar, irid ninħasel, nagħmel ħafna xorti”.

Qaltilna li sid il-kera lest jirranġaha bil-kundizzjoni li tgħollilha l-kera.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li kull waħda mit-3,290 applikazzjoni li hemm quddiem l-Awtorità għandhom id-diffikultajiet tagħhom. Spjega kif il-prijorità tingħata lill-familji li jkollhom l-aktar bżonn.

McKay qal “l-iktar familji li jħabbtu l-bibien tagħna huma familji li għandhom diffikultajiet minħabba mard, sfidi jew problemi ta’ saħħa mentali, ommijiet jew missirijiet li jrabbu waħidhom u għandhom dħul baxx, persuni li huma kbar fl-età, persuni li għaddew mill-proċess ta’ separazzjoni u persuni li qegħdin f’xi istituzzjonijiet jew kellhom xi dipendenzi.”

Is-sur McKay qal li minbarra ż-żieda ta’ 1,200 appartament għal akkomodazzjoni soċjali, biex itaffi l-problema ta’ nuqqas ta’ fil-provista ta’ housing, l-Awtorità tad-Djar qiegħda taħdem fuq skemi mal-privat biex tkun tista’ tiprovdi appartamenti madwar Malta għal housing soċjali.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Il-wrestling għal bosta jidher sports goff iżda għal Wayne Pace beda jsegwi l-isport tar-wrestling minn età żgħira, sakemm sar atleta professjonali. Il-wrestling huwa dixxiplina sportiva bir-regoli tagħha saħansitra ta’ ħarsien…

Saħħa

Id-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei kompla bl-isforzi biex jikber l-għarfien u l-prevenzjoni dwar il-mard tal-qalb. F’jum ta’ attivitajiet, mijiet ta’ nies għamlu testijiet mediċi f’inizjattiva tas-Soċjetà tal-Qalb biex jikber l-għarfien dwar…

Għawdex

L-investiment fil-prodott turistiku Għawdxi ser jissukta bi skema ġdida Enable Tourism li kienet tħabbret fil-Budget għal din is-sena. L-iskema hija maħsuba biex itejjeb l-aċċessibiltà fil-postijiet tal-akkomodazzjoni turistika. Id-dettalji tagħha tħabbru…

Aktar