Lokali
Tpaqpaq il-ħorn u jxejrulha – marret tgħix ’il bogħod mill-ġenituri biex tipproteġihom

Diversi ħaddiema fis-settur tas-saħħa kellhom jieħdu d-deċiżjoni diffiċli biex waqt li jservu fl-isptar fost pazjenti bil-Coronavirus, jinfirdu mill-għeżież tagħhom u jmorru joqgħodu band’ oħra.

F’din is-sitwazzjoni, il-fergha taż-Żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika kienet xhieda tal-valuri tagħha meta offriet dar li kienet tuża għall-attivitajiet tagħha biex fiha joqgħodu ħaddiema fis-settur tas-saħħa.

Marija Cachia, radiographer fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei, ħadet din id-deċiżjoni tmintax-il ġurnata ilu. Fi kliemha din kienet l-aħjar deċiżjoni, għaliex il-ġenituri tagħha huma anzjani, u ma riditx tissogra li ġġorr il-virus magħha d-dar u tpoġġihom f’riskju, b’konsegwenzi fuq saħħithom.

“Però mill-aspett l-ieħor ma kienx faċli minnu nnfisu li titlaq dak kollu li hu familjari għalik u l-ħajja normali tiegħek biex taddatta għal sitwazzjoni ġdida f’mument li huwa stressanti anke waqt ix-xogħol.”

Minbarra l-użu tat-teknoloġija, Marija sabet metodu ieħor kif issellem lill-ġenituri tagħha fi triqitha lejn l-isptar. “Inpaqpaq jew inċempel, joħorġu jxejru, jgħidulek bye, jgħidulek bless, kun imbierka u moħħok hemm.”

Marija bħalissa qed tgħix f’dar taż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika, li kienu juzawha għal-live-ins u għall-attivitajiet tagħhom.

“Bħalissa ma setgħetx tkompli tiffunzjona b’dak il-mod u għalhekk inħass il-bżonn li nkunu ta’ sapport, naqsmu dak li għandna mal-oħrajn,” qalet Roseanne Buhagiar, President taż-ŻAK.

Roseanne Buhagiar qalet li għalhekk fetħu l-bieb għall-front liners fil-qasam tas-saħħa li qed iħabbtu wiċċhom ma’ din is-sitwazzjoni staordinarja.

Bħal Marija, fid-dar qed jgħixu ħames professjonisti oħra, fosthom fiżjoterapisti, infermiera u tabib.

Marija qalet li effett tal-Covid 19 kellhom jaddattaw għal realtà ġdida, b’xi wħud saħansitra ngħataw taħriġ biex jagħmlu xogħol differenti. “Hemm element ta’ stress, li huwa differenti minn dak l-istress li aħna mdorrijin għalih, u hemm bosta nies li qed jaqilbu ħajjithom minħabba dan.”

Semmiet kollegi tagħha li għażlu li jinfirdu minn uliedhom, mingħajr ma jafu meta se jerġgħu jgħannquhom.

“Hija xi ħaġa sinifikattiva ħafna – impressjonanti immens. Nixtieq li forsi l-poplu jifhem li hemm uħud qed jagħmlu dan is-sagrifiċċju għall-ġid tas-soċjetà Maltija, u għalhekk inħeġġiġkom biex tobdu d-direttivi u l-miżuri li qegħdin hemm għall-ġid ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Għalhekk biss qegħdin hemm,” saħqet Marija.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jrid politika tal-perswazjoni u mhux tal-arroganza u qal li l-partit għandu jgħaraf li fejn żbalja waqt li għandu l-obbligu li jibni fuq it-tajjeb…

Kronaka

Raġel ta’ 52 sena mis-Siġġiewi jinsab midrub gravi wara li waqa’ minn fuq scaffolding ta’ madwar żewġ sulari. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu f’sit ta’ kostruzzjoni, f’Misraħ Forok, ir-Rabat. Il-Pulizija…

Immigrazzjoni

L-ekwipaġġ tal-bastiment Europa II jinsab għall-kenn wara t-tanker CURACAO ‘l barra mill-ponta tal-Jerma f’Wied il-Għajn wara li l-ekwipaġġ Malti kellu jabbanduna l-pożizzjoni tiegħu mat-13-il mil ‘il barra minn Malta, minħabba…

Aktar