Stejjer Umani
“Trabbejt hawn!” – ilu 52 sena jgħasses Wied iż-Żurrieq

Int u nieżel Wied iż-Żurrieq, x’aktarx li se ssibu ma’ wiċċek. Qalb serbut karozzi, diħlin u ħirġin bla waqfien mill-parkeġġ ċkejken taż-żona, ibqa’ ċert li minn ħin għall-ieħor se ssib lil Francis Caruana jilqgħek b’dirgħajh miftuħa, magħruf aħjar bħala Ċikku l-Markiż.

B’ħeffa liema bħalha u bla ma qatt jinża’ t-tbissima fuq fommu li tant tikkaratterizzah, Ċikku l-Markiż jgħasses il-parkeġġ t’hawn qisu mhux hu. Parkeġġ, li l-Markiż rabat qalbu miegħu meta kien għadu ħalib ommu fi snienu u li issa ilu jgħassu għal dawn l-aħħar 52 sena.

F’kummenti lil tvm.com.mt Ċikku l-Markiż stqarr li ta’ 13-il sena kien diġà jinżel Wied iż-Żurrieq ma’ missieru biex jagħtih daqqa t’id fix-xogħol ta’ għassies, u mal-medda tas-snin daħal b’ruħu u b’ġismu għall-istess xogħol hu wkoll.

Xemx u xita, minn sbieħ il-jum il-Markiż jieħu r-riedni tal-parkeġġ f’idejh bil-għan li kull min jinżel Wied iż-Żurrieq bil-vettura tiegħu jkollu fejn jixħet il-karozza minnufih bla problemi ta’ xejn.

Titħaddet ma’ min titħaddet fuq il-post, kulħadd jistqarr kemm il-Markiż għandu qalbu tad-deheb. Innotajna, il-ġenwinità liema bħalha li biha jilqa’ ‘l kulħadd u li saħansitra jġaħġaħha b’għadd ta’ lingwi barranin ukoll akkost li jaqdi ‘l dak li jkun kif jista’.

Lill-Markiż qatt ma tarah b’idejh fuq żaqqu. L-altruwiżmu tiegħu lejn il-proxxmu, bla qies. Fost l-oħrajn, l-għassies qalilna li mhux l-ewwel darba li salva ‘l xi turist milli jegħreq fl-ibħra tal-madwar.

Ċikku l-Markiż – l-għassies ta' Wied iż-Żurrieq

"Kuljum hawn! No rest! 🥵"Jismu Francis Caruana u jsibuh bħala Ċikku l-Markiż. Ilu jgħasses 🚗 Wied iż-Żurrieq għal dawn l-aħħar 52 sena 😯. Qatt inzertajtu 'l-Markiż?Aqra aktar: https://www.tvm.com.mt/mt/news/trabbejt-hawn-ilu-52-sena-jghasses-wied-iz-zurrieq/

Gepostet von Television Malta am Freitag, 24. Juli 2020

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Sport

Fl-aħħar sena u nofs li ilu miftuħ l-iskatepark ta’ Birżebbuġa, l-isport tal-BMX ħa spinta fost iż-żgħażagħ tal-lokal u dawk tal-madwar. Anki jekk l-iskatepark kien kemm-il darba sors ta’ kontroversja minħabba…

Internet

Mal-medda tas-snin il-qasam diġitali għamel passi ta’ ġgant. Bla dubju, biddel bil-bosta l-mod ta’ kif ilkoll ngħixu. Fost l-oħrajn, dak li jkun sar juża l-mezzi soċjali kif ukoll l-internet biex…

Aktar