Lokali
Trabi ta’ 18-il xahar se jibda jsirilhom screening għall-awtiżmu

Tnieda uffiċjalment l-iscreening nazzjonali għall-awtiżmu għat-trabi ta’ 18-il xahar biex ikunu identifikati l-ewwel sintomi tal-awtiżmu bil-għan li l-awtoritajiet tas-saħħa jkunu jistgħu jibdew programm ta’ trattament għal din il-kundizzjoni. Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li dal-programm ta’ screening diġà ġew eżaminati mal-1,500 tarbija. Żied jgħid li se jibda jsir ukoll screening għall-kundizzjoni oħra fit-trabi tat-twelid.

Iċ-ċentri tas-saħħa permezz tal-well baby clinics ilhom minn Jannar jagħmlu evalwazzjoni primarja għas-sintomi tal-awtiżmu fit-trabi li jkun għalqu it-18-il xahar. Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li b’dan l-iscreening li jsir permezz ta’ kwestjonarju diġà sar fuq 1,500 tifel u tifla. Mal-200 minnhom instab li potenzjalment jistgħu jiżviluppaw il-kundizzjoni tal-awtiżmu u għalhekk qed jiġu segwiti għall-interventi bikrija.

Dr Fearne qal li ċ-Child Development Assessment Unit b’tim multidixxiplinarju, jaħdem id f’id mas-servizzi tal-edukuazzjoni biex it-tfal jingħataw is-servizzi li jkollhom bżonn. Żied jgħid li hemm kundizzjonijiet oħra fit-trabi li għalihom qed isir screening ħafna drabi mat-twelid.

Il-Ministru Chris Fearne qal li “s’issa diġà daħħalna din is-sena l-iscreening kontra l-problemi tat-tyhroid fit-trabi tat-twelid, fix-xhur li ġejjin se ndaħħlu screening għal kundizzjoni oħra li ngħidulha Phenylketonuria li hija kundizzjoni mhix komuni ħafna imma jekk ma taqbadhiex jista’ jkun hemm konsegwenzi serji. U mbagħad lejn l-aħħar tas-sena li ġejja se ndaħħlu screening għal kundizzjonijiet tal-qalb konġenitali fit-trabi kollha li jitwieldu.”

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-ewwel 1,000 jum mit-twelid ta’ tarbija huma mportanti għall-iżvilupp tagħha u għalhekk importanti li kundizzjonijiet li jista’ ikun hemm jigu identifikati għal interventi bikrija.