Traffikant tad-droga eroina kkundannat sena u nofs ħabs

John Mary Axiaq ta’ 42 minn Ħaż-Żabbar, ġie kkundannat sena u nofs ħabs wara li nstab ħati li fl-2008 traffika d-droga eroina.

Il-Maġistrat Marseann Farrugia mmultatu wkoll €1,000 u ordnat li jibda programm ta’ rijabilitazzjoni.

Huwa nstab ħati wkoll ta’ pussess tad-droga u li huwa riċediv.

Il-każ imur lura għall-14 t’April 2008 meta l-pulizija rċeviet informazzjoni li kien hemm sitt persuni jabbużaw mid-droga fir-residenza ta’ Axiaq f’Ħaż-Żabbar.

Fid-dar, il-pulizija sabu 14-il pakkett vojt tal-eroina u oġġetti oħra relatati mat-teħid tad-droga.

Il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ dawk li jabbużaw mid-droga li qalu li kienu jixtruha mingħand Axiaq.