MEUSAC
Traineeships fl-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea

L-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea joffru diversi opportunitajiet ta’ taħriġ u esperjenza għal żmien qasir u kif ukoll impjiegi bħala uffiċjali permanenti. Esperjenzi qosra huma l-iktar imfittxija minn żgħażagħ, sabiex jieħdu esperjenza u huma offruti minn kull istituzzjoni u aġenzija madwar l-Ewropa.

Abigail Mizzi hija Maltija li għamlet Traineeship fil-Parlament Ewropew wara li ggradwat fl-Istudji Ewropej mill-Università ta’ Malta u llum taħdem mal-MEUSAC. “L-esperjenza tiegħi waqt it-tmien xhur li kont trainee fil-Parlament Ewropew kienet ta’ importanza kbira għalija kemm għaliex stajt nesperjenza u nikkontribwixxi fil-ħidma ta’ kuljum tal-Parlament, kif ukoll għan-nies li ltqajt magħhom matul it-traineeship.

Li tistudja fuq l-istituzzjonijiet huwa siewi, però li tara kif jaħdem il-Parlament Ewropew fil-prattika hija ħaġa oħra. Li tkun tista’ ssegwi d-dibattiti u d-diskorsi, jew tattendi l-attivitajiet li jkunu qed isiru fil-Parlament stess (apparti meta l-Membri Parlamentari Ewropej jiltaqgħu kollha fil-plenarja) ittik perspettiva lil hinn minn dik ta’ gżira ċkejkna.

Tibda tifhem tassew il-ħidma fuq livell Ewropew, l-esperjenza u fehmiet varji ta’ pajjiżi oħra u l-għeruq tagħhom u wara kollox il-valuri u l-għanijiet komuni li lkoll jagħmluna Ewropej. Fil-fatt kien l-ewwel post tax-xogħol tiegħi fejn stajt naħdem ma’ tim żgħir fejn kollha konna ġejjin minn nazzjonalitajiet differenti. U dan kollu seħħ f’belt li għall-ewwel ħsibt li hija wisq griża, però wara ftit gimgħat indunajt li għalkemm Brussell ma tantx toffri xemx, toffri però birra min kull tip u diversi postijiet ta’ divertiment u kultura; post fejn fiċ-ċert se jsiru ħbiberiji, memorji u esperjenzi mill-aqwa.”

Din l-esperjenza ttik l-opportunità taħdem fuq il-kwistjonijiet ewlenin li taqra dwarhom fl-aħbarijiet ta’ kuljum: it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, is-sikurezza u s-sigurtà, il-kummerċ, il-komunikazzjoni, biex insemmu biss xi ftit minnhom. Dan l-ambjent ta’ xogħol multinazzjonali, multilingwi u multikulturali jlaqqgħek ma’ diversi ċittadini minn kull rokna tal-Ewropa. Dan għaliex l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma bbażati fi Brussell, il-Lussemburgu jew Strażburgu, u l-Aġenziji huma mferrxin madwar l-Ewropa (inkluż f’Malta, fejn għandna l-EASO), kif ukoll fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea madwar id-dinja.

Traineeship jista’ jiftaħlek bibien ġodda u opportunitajiet oħrajn, bħalma huma karrieri fl-Unjoni Ewropea, kemm temporanji kif ukoll dawk permanenti.

Sabiex ikun hemm iktar għarfien dwar dawn l-opportunitajiet fl-istituzzjonijiet akkademiċi u tagħti opportunità lill-istudenti, il-European Personnel Selection Office (EPSO) għażlet studenti mill-MCAST u l-Università ta’ Malta biex jippromwovu f’Malta l-karrieri fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ attivitajiet u mezzi ta’ komunikazzjoni, fosthom bil-paġna tal-Facebook, Instagram u Twitter fuq: EUCareersMalta b’kollaborazzjoni mar-Rappreżentanza ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea fi Brussell.

Tista’ ssib iktar informazzjoni fuq karrieri u opportunitajiet fuq:
– is-sit elettroniku tar-Rappreżentanza;
– id-Dipartiment tal-Informazzjoni;
– il-Eurodesk.

Kull min hu interessat ikun jaf aktar dwar dawn l-opportunitajiet jista’ jikkuntattja lill-MEUSAC fuq [email protected], l-Aġenzija Żgħażagħ fuq [email protected] kif ukoll [email protected]

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Tliet persuni ttieħdu l-isptar wara ħabta dalgħodu fiż-Żejtun. L-inċident seħħ għall-10.45am fi Triq Alfredo Cachia Zammit. Il-Pulizija qalet lil TVM li l-ħabta seħħet bejn żewġ vetturi; Nissan GTR misjuq minn…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li l-Prim Ministru u l-gvern tilef il-leġittimità meta l-Prim Ministru ddefenda liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, wara li dan irtira libell…

Politika

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, qal li l-moviment Laburista hu konsistenti u kredibbli, u kapaċi joħloq il-ġid u jqassmu. Qal li din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni kienet imħawwda bħat-temp…

Qorti

Axel Vella ġie mmultat elf ewro, u ngħata sentenza ta’ sena priġunerija sospiżi għal erba’ snin għax kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’każ li għadu qed jistenna quddiem il-Qorti dwar it-traffikar…

Aktar