AĠĠORNAT: Trakk iqaċċat siġra f’inċident fin-niżla tal-Addolorata

Qarrej ta’ tvm.com.mt bagħtilna dawn ir-ritratti ta’ inċident tat-traffiku li seħħ ftit qabel l-4 p.m. fin-niżla taċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Jidher li trakk tar-ready mix li kien qed isuq raġel ta’ 28 sena mill-Iklin, kien nieżel mit-triq taċ-ċimiterju.

Quddiemu kien hemm trakk ieħor u f’xi ħin kellu jżomm brejk iżda għal xi raġuni ħabat ma siġra u spiċċa fuq in-naħa l-oħra tat-triq.

Il-Pulizija kkonfermat li ħadd ma weġġa.

Aktar kmieni, intant kienu rrapurtati żewġ inċidenti oħra tat-traffiku fi Triq tal-Barrani f’Raħal Ġdid.

Ħadd ma weġġa iżda fiż-żewġ inċidenti ħareġ xi żejt fit-triq.

Il-Pulizija avżat lis-sewwieqa biex isuqu b’attenzjoni.