Politika
Transparency International tanalizza l-programmi ta’ ċittadinanza b’investiment

Rapport ippubblikat minn Transparency International fuq il-Golden Visas janalizza l-iskemi ta’ diversi pajjiżi b’attenzjoni partikolari fuq Ċipru, Malta u l-Portugall, u jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar trasparenza fit-tħaddim tagħhom.

Ir-rapport jinnota li nuqqas ta’ due diligence serju, saħħa esaġerata lil min jieħu d-deċiżjonijiet, u kunflitti ta’ interess, jistgħu jiftħu l-bibien tal-Ewropa għal persuni korrotti.

Fi stqarrija maħruġa mill-Aġenzija li tħaddem il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, intqal li Malta diġa tħaddem numru sostanzjali mir-rakkomandazzjonijiet li qed isiru minn Transparency International.

Hu stmat li fl-għaxar snin li għaddew, skemi ta’ passaporti u ta’ residenza mħaddma mill-pajjiżi membri tal-UE attiraw mas-6,000 ċittadin ġdid, mal-100,000 resident ġdid u mal-€25 biljun f’investiment dirett barrani. Spanja, Ċipru, l-Portugall u r-Renju Unit huma l-aktar li qalgħu flus minn dawn l-iskemi.

F’rapport dwar dawn l-iskemi, u li fih tqabbel b’mod partikolari dawk imħaddma minn Malta, Ċipru u l-Portugall, Transparency International tesprimi l-biża’ li skemi ta’ ċittadinanza b’investiment jistgħu jattiraw lejn l-Ewropa persuni korrotti jew involuti fil-ħasil ta’ flus jekk ma jkunx hemm verifika dettaljata fuqhom. Għaldaqstnat tisħaq aktar minn darba fuq il-ħtieġa ta’ aktar trasparenza u kontabbiltà. Transparency International tappella lill-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi standards komuni għal kulħadd, speċjalment fejn jidħol due diligence.

Din ir-rakkomandazzjoni sabet l-appoġġ tal-Aġenzija li tħaddem il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment f’Malta, li fi stqarrija qalet li Malta ilha snin tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar koperazzjoni bejn ġurizdizzjonijiet differenti biex jiġi assigurat proċess ta’ verifika rigoruż.

Dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Malta, ir-rapport jinnota li l-proċess lokali ta’ due diligence jeżiġi li kull applikazzjoni tgħaddi mill-għarbiel fuq erba’ livelli. Madanakollu jinnota li uffiċjali tal-Gvern għandhom diskrezzjoni kbira biex jiddeċiedu fuq l-applikazzjonijiet. Jinnota wkoll li l-applikazzjonijiet ta’ persuni b’rekord kriminali jistgħu jiġu kkunsidrati xorta waħda minħabba l-hekk imsejħa “ċirkostanzi speċjali”.

Transparency International tinnota nuqqas ta’ trasparenza u kontabbiltà fil-mod kif jitħaddem il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, u tgħid li dan jista’ jagħti lok għal korruzjoni jew favoritiżmu. Filwaqt li jirrikonoxxi li 70 fil-mija tal-investiment imur fil-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, Transparency International tgħid li ma tingħatax biżżejjed informazzjoni dwar kif qed jintefqu dawn il-flus, u kif jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-investiment li jsir bihom. Il-kontijiet awditjati u r-rapporti annwali m’humiex ippubblikati kull sena kif teżiġi l-liġi.

Fl-istqarrija b’reazzjoni, l-Aġenzija tal-IIP laqgħet ħafna mir-rakkomandazzjonijiet inkluż dawk fuq il-prevenzjoni tal-ħasil ta’ flus u qalet li Malta diġa timplimentahom. Fl-istess ħin ġibdet l-attenzjoni ta’ numru ta’ ineżattezzi fir-rapport.

Dwar l-investiment li jsir bil-flus miġbura fil-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali ntqal li dan tieħu ħsiebu aġenzija indipendenti maħluqa apposta. Issemmi diversi proġetti soċjali li qed isiru jew li tħabbru li se jsiru, u tgħid ukoll li sal-lum mal-mitt NGO irċevew bejniethom 624 donazjoni diretti mingħand l-investituri fl-IIP… b’valur totali ta’ 3 miljuni u tmien mitt elf Ewro.

Malta nediet il-Programm tac-Cittadinanza b’Investiment fl-2014. F’erba’ snin mal-2,000 barrani investew 718-il miljun ewro f’Malta biex akkwistaw il-passaport Malti – somma li Transparency International jqis bħala “impressjonanti” għad-daqs tal-pajjiż.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Milied jiġi għal kulħadd u jferraħ bosta qlub. Żorna ċ-Centro Spero għal persuni nieqsa mid-dawl fejn ħassejna l-entużjażmu tal-persuni nieqsa mid-dawl li qed iħejji għal produzzjoni tal-Milied bi drama u…

Ekonomija u Finanzi

Statistika tal-Eurostat uriet li fl-2016, in-nefqa ta’ Malta f’għajnuniet soċjali kienet inqas mill-medja Ewropea. Fil-fatt Malta kienet f’sitt post mill-aħħar fost 28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea li tonfoq fuq servizzi soċjali….

Brexit

Tkompli titħabbel il-kobba dwar Brexit wara li fl-aħħar jiem il-Prim Ministru Theresa May tidher li spiċċat b’idejha f’idejha meta ma kisbitx garanzija ta’ assigurazzjonijiet dwar il-fruntiera tal-Irlanda mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea….

Brexit

Il-korrispondent tal-BBC, Chris Morris, f’kummenti esklussivi lil Television Malta, stqarr li l-Prim Ministru Ingliża Theresa May s’issa għadha ma kisbitx dak mistenni minn ħafna Parlamentari Ingliżi biex jaċċettaw il-ftehim li…

Aktar